Salvu Dalli ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest wara li jitressaq l-argument tar-riskju tal-Covid-19 fil-ħabs

Raġel ta’ 68 sena akkużat li qatel lil ibnu se jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li l-Qorti ma laqgħetx it-talbiet imressqin mid-Difiża li kellu jinħareġ mill-ħabs minħabba l-każi ta’ Covid-19 li hemm preżenti.

Salvu Dalli ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li l-avukati tiegħu argumentaw li l-anzjan kien vulnerabbli li jiġi infettat bil-Covid-19 mill-Faċilità korrettiva ta’ Kordin.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li Dalli seta’ jbagħbas l-evidenza fil-każ.

Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Nadia Attard, ukoll irribattiet l-argument tal-każi tal-Covid-19 f’Kordin, u tenniet li barra l-ħabs hemm aktar każi ta’ coronavirus u għaldaqstant l-anzjan xorta waħda se jkun espost b’mod ugwali għall-virus.

Dalli huwa mixli bil-qtil ta’ ibnu Antoine, ta’ 37 sena, nhar is-7 ta’ Awwissu li għadda, fid-dar tiegħu f’Ħal Għaxaq. Antoine nstab mejjet fix-shower bi ġrieħi ta’ arma tan-nar fl-istonku.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetur Roderick Attard, filwaqt li l-avukati Lennox Vella u Marisa Mifsud qed jidhru għall-akkużat. l-avukati Franco Debono, Francesca Zarb, u Kathleen Calleja Grima qed jidhru parte civile għall-familja tal-vittma.

Share With: