Sami Khedira lejn l-Ingilterra?
Il-midfielder difensiv ta’ Juventus, Sami Khedira, huwa verament lest sabiex isellem lil sħabu f’Jannar li ġej u eventwalment jingħaqad ma’ klabb ieħor.
Khedira qal li waħda mix-xewqat tiegħu sa minn meta kien żgħir kienet dik li jilgħab fil-kampjonat Premier Ingliż. Din id-dikjarazzjoni tat x’tifhem li l-plejer ta’ 33 sena qed ikollu kuntatt ma’ klabbs mill-ogħla diviżjoni Ingliża għalkemm ma kienx hemm iktar dettalji dwar dan kollu.
Khedira kompla jgħid li kull darba li jilgħab kontra team Ingliż fil-UEFA Champions League jitgħaxxaq bit-tip ta’ logħob li jipproduċu u huwa għalhekk li wasal iż-żmien li jkollu esperjenza diretta ta’ din t-tip ta’ logħba.
Fil-passat Khedira lagħab ukoll ma’ VFB Stuttgart (2004-2010) u Real Madrid (2010-2015). Hu ngħaqad maċ-champions Taljani fis-sena 2015 u minn dakinhar ‘l hawn lagħab 99 partita u skorja 21 goal.
F’Settembru 2018, il-plejer internazzjonali Ġermaniż iffirma kuntratt ta’ tliet snin li eventwalment jiskadi fl-aħħar ta’ dan l-istaġun. Fi Frar 2019 hu kellu jiġi operat minħabba li qalbu ma bdietx tħabbat kif suppost.
Huwa rritorna fl-azzjoni fis-6 ta’ April li għadda fejn daħal bħala sostitut fil-logħba kontra Milan.