Student imkeċċi mill-Università talli kkoppja jitlef kawża

L-Imħallef Francesco Depasquale warrab talba li għamillu l-eks-kandidat Nazzjonalista Ryan Mercieca b’rabta mat-tkeċċija tiegħu mill-Università ta’ Malta.

Fil-kawża li fetaħ fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra r-Rettur tal-Università ta’ Maltam, Mercieca spjega kif huwa kien applika biex isegwi kors li kellu jwasslu għal Dottorat fil-Filosofija.

Huwa ntalab jirreġistra għall-grad ta’ M. Phil (Masters in Philosophy) bil-possibilità li jiġi trasferit għall-kors ta’ Ph.D.

Mercieca ntalab jissottometti xi xogħol biex eventwalment dan it-trasferiment ikun jista’ jsir madankollu l-Università nfurmatu li kien fih partijiet sostanzjali li ħadhom minn xogħol ieħor, dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘plagiarism’, u nfurmat u li kien qed jitkeċċa.

Huwa fetaħ il-kawża b’rabta ma’ din it-tkeċċija imma bir-Rettur jiddikjara li l-kawża ma kellhix tinfetaħ kontrih.

L-Imħallef Depasquale ta raġun lir-Rettur u sostna li għalkemm dan huwa r-rappreżentant legali tal-Universita ta’ Malta ma jfissirx li azzjonijiet intiżi kontriha għandhom jittieħdu kontrih.

Huwa osserva li l-Università ta’ Malta hija entità legali u ġuridika separata li tista’ tħarrek u tiġi mħarrka.

Kien għalhekk li ikkonkluda li Mercieca kellu jiftaħ il-kawża kontra l-Università ta’ Malta u mhux kontra r-Rettur u ċaħadlu l-kawża kif ippreżentata.

Share With: