Tal-Ambulanzi juru sodisfazzjoni għall-ftehim tal-Gvern mal-Armata… jitolbu li huma wkoll jiġu mismugħin

Filwaqt li esprimew sodisfazzjon għall-ftehim li l-Gvern irnexxielu jilħaq mal-Armata biex il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, numru ta’ ħaddiema tal-ambulanzi qalu li jkun tajjeb li kieku xi ħadd jagħti widen għall-għajta tagħhom biex ukoll jitjibulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

F’kummenti fuq il-midja soċjali, diversi ħaddiema tal-ambulanzi stiednu lill-membri parlamentari biex ikellmuhom u anke jmorru jqattgħu ftit tal-ħin magħhom biex jifhmu eżatt xogħolhom. Dawn il-ħaddiema qalu li huma ma jridux biss li jkollhom pagi aħjar, iżda li jingħataw iċ-ċans ta’ aktar taħriġ biex ikomplu jitgħallmu u jimxu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom.

Għaldaqstant, dawn il-ħaddiema talbu li ma jiġux imwarrba. Talbu li għandu jiġi rikonoxxut dak li huma jagħmlu, fejn iqattgħu sigħat twal ‘il bogħod mill-familji tagħhom biex jgħinu lil min hu fil-bżonn u kultant anke jispiċċaw fil-periklu huma stess. Semmew li hemm bżonn li huma wkoll ikunu aktar stmati u jieħdu li ħaqqhom.

Fuq kollox, uħud minn dawn il-ħaddiema qalu li ilhom jiġu mwegħdin ftehim kollettiv iżda dan għadu qatt ma wasal.

Share With: