“Tassumux li toħorġu barra u tirbħu l-Covid … m’hemmx garanzija” – Tony Myles

Miktub Minn Victor Vella

“Jien kelli l-Covid-19. Kienet  esperjenza diffiċli. Fuqi kienet qawwija ħafna. Nifhem li f’dinja fejn hemm esperjenzi differenti jista’ jkun riskjuż li wieħed jitkellem fuq esperjenza waħda. Irrid inwassal il-messaġġ.  Tassumux li se toħorġu barra u tirbħu l-Covid19. M’hemmx garanzija”. 

Dan iddikjarah Tony Myles, meta ddeċieda li jitkellem fuq il-fatt li hu ħa l-Covid19 u anke quddiem il-fatt li aktar u aktar persuni qegħdin jirrappurtaw li għandhom sintomi għat-tul wara li ġew dikjarati li fiequ mill-Covid19.

Tony Myles jgħidilna li “l-Covid19 mhix xi ħaġa li m’għandniex nibżgħu minnha.  Naqbel li ħadd ma jieħu gost jgħix fil-biża’. Naħseb li ħadd ma jrid li jgħix fil-biża’.  Imma hu ħażin ukoll li nkunu kunfidenti u qisu mhux qed jiġri xejn. Naħsbu li l-Covid19 mhux se tolqotna u b’hekk nispiċċaw ma nagħtux kas li bl-attitudni li nużaw nistgħu nkunu ta’ periklu għal ħaddieħor.”

Tony Myles tkellem ma’ INEWSMALTA u saħaq li “l-messaġġ tiegħi hu wieħed ċar ħafna. toħorġux hemm barra u tassumu li qisu xejn mhux xejn. Li tassumu li se tegħlbu l-Covid19. M’hemm ebda garanzija. Sibu modi kif tipprattikaw id-distanzi soċjali. Dan biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja. Appoġġjaw in-negozji fil-lokalitajiet.”

Saħaq li “għadna ‘l bogħod milli negħlbu l-Covid19. Nista’ ngħid li hawn fl-Istati Uniti, għandna stati fejn il-maskli mhux obbligatorji u dawn qed jaraw żieda qawwija fil-każijiet. Fi stati oħra, il-każijiet huma stabbli”. 

Għejja, raxx, u saqajn minfuħin fost l-aktar sintomi għat-tul mill-Covid-19

Intant fl-aħħar jiem aktar u aktar persuni komplew jilmentaw minn effetti għat-tul wara li huma mardu bil-Covid19. Minkejja li ġew dikjarat li huma ħielsa mill-virus, huma xorta ħassew li saħħithom baqgħet ma ġietx lura għan-normali.

Fost id-diversi persuni li tkellmu dwar dawn l-effetti, jidher li għejja, raxx, saqajn minfuħin u qtugħ ta’ nifs huma l-aktar sintomi għat-tul.

Omm qaltilna li “kont nimxi qisu sigħat jew siegħa u għaxar minuti kuljum. Wara li fiqt mill-Covid19 ma bediex ikolli saħħa nimxi għat-tul. Bdejt ngħejja kif nagħmel qisu għaxar minuti mixi. Bdejt ninnota ukoll li saqajja bdew jintefħu. It-tabib qalli li possibilment dawk kienu effetti ta’ wara l-Covid. Issa ilni ammont ta’ ġimgħat ħielsa mill-Covid19 imma xorta għadni m’iniex kapaċi nimxi siegħa sħiħa”.

Mara oħra li tkellmet magħna qaltilna li “jien l-aktar effett hu l-qtugħ ta’ nifs. Qatt ma ġie kif kien qabel il-Covid19. Mort għand it-tabib u qalli li jekk nibqa’ b’dan is-sintomi, jkun aħjar li jsiru testijiet ulterji. Dan flimkien ma’ għejja kbira. Ġieli ma jkolli aptit nagħmel xejn. Inkun inħosssni qisni bla saħħa”.

Share With: