Tfajla arrestata waqt rejd għad-droga f’garaxx fil-Marsa

Operazzjoni mmexxija mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, assistiti minn diversi skwadri oħra tal-Korp tal-Pulizija, waslet biex dalgħodu saret qabda kbira ta’ droga kokaina, crack cocaine u ħaxixa tal-kannabis, liema droga kienet lesta biex tkun ittraffikata. Tfajla ta’ 20 sena, residenti l-Birgu, ġiet arrestata fil-post. 

Wara jiem sħaħ ta’ osservazzjoni fuq garaxx fil-Marsa, fejn allegatament qiegħed jintuża għall-bejgħ tad-droga, it-Tnejn filgħodu, għall-ħabta tal-10:30 a.m, ingħatat ordni sabiex il-binja kollha fejn jinsab dan il-garaxx jiġi ċċirkondat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU). 

Fl-istess waqt, Skwadra tal-iSpecial Intervention Unit (SIU) daħlu fil-post billi qattgħu bieb tal-ħadid li jintuża bħala aċċess, bil-kumplament tal-bieb tal-garaxx kien imbarrat minn ġewwa bil-briks. Malli nfetaħ l-aċċess, daħlu l-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u hemmhekk arrestaw lit-tfajla li allegatament kienet qiegħda tbigħ id-droga. 

F’waħda mill-kmamar il-pulizija sabet id-droga – 63 qartas tal-eroina, 110 qratas kokaina u 15-il qartas crack cocaine – kollha lesti f’kontenituri sabiex jinbiegħu. Fl-istess kamra nstab ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbiegħet, kienet tlaħħaq l-€4,000. 

Fil-post saret tfittxija permezz tas-sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija (K9), waqt li assisstew ukoll f’din l- operazzjoni l-Pulizija tal-Forensika. 

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello, li ħatret diversi esperti biex jassistuha. 

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja. 

Share With: