Tfajla b’ħames xhur tqala tammetti li ttraffikat id-droga

Tfajla ta’ 20 sena residenti l-Birgu, li bħalissa qed tistenna tarbija, tressqet fil-Qorti fejn wieġbet ħatja għal akkużi dwar traffikar ta’ droga. 

Kimberly Aly kienet arrestata t-Tnejn waqt rejd li wettqet il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’garaxx fil-Marsa.

Biex daħlu fil-post, il-Pulizija kellhom iqattgħu bieb tal-ħadid li jintuża bħala aċċess, bil-kumplament tal-bieb tal-garaxx kien imbarrat minn ġewwa bil-briks. 

Malli nfetaħ l-aċċess, daħlu l-Pulizija u hemmhekk arrestaw lit-tfajla ta’ 20 sena waqt li allegatament kienet qed tbigħ id-droga.

Il-pulizija sabu 63 qartas ta’ eroina, 110 qratas kokaina u 15-il qartas crack cocaine kollha lesti f’kontenituri biex jinbiegħu.

Fl-istess kamra nstab ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbiegħet, kien ilaħħaq l-€4,000. 

Aly tressqet quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn ammettiet l-akkużi dwar traffikar ta’ droga u li kienet fil-pussess ta’ sustanzi f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tagħha. 

Id-difiża talbet biex sakemm tingħata s-sentenza, l-imputata tingħata l-libertà proviżorja bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax għal dan fid-dawl tal-ammissjoni tagħha u l-fatt li hija għandha ħames xhur tqala.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom taħt depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Hija kienet ukoll obbligata biex ma tersaqx lejn iż-żona tal-Marsa.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Justine Grech. L-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Francesca Zarb dehru għat-tfajla. 

Share With: