Tħassib dwar in-nuqqas ta’ attendenza fl-iskejjel

B’reazzjoni għall-mistoqsija parlamentari dwar l-attendenza fl-iskejjel, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal esprima t-tħassib tiegħu u dak tal-Kunsill tat-Tfal. “Meta kienu se jinfetħu l-iskejjel, l-Uffiċċju saħaq il-bżonn li l-attendenza fl-iskejjel tibqa’ obbligatorja ħlief għal dawk it-tfal li huma vulnerabbli.”

“L-istatistika ppreżentata turi, li minn dawk it-tfal li m’humiex jattendu l-iskola, nofshom biss huma vulnerabbli. Dan huwa inkwetanti għaliex ifisser li hemm numru ta’ tfal li mhumiex jirċievi l-ebda tip ta’ edukazzjoni mill-edukaturi,” qal l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal fi stqarrija li ħareġ ilbieraħ.

Żied jintqal li l-assenteiżmu ilu jeżisti u minn dejjem kien hemm diversi sfidi sabiex il-professjonisti jilħqu dawk it-tfal li ma jattendux l-iskola obbligatorja. Intqal ukoll li l-pandemija ħolqot iktar sfidi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari għaliex l-attendenza fl-iskejjel ma baqgħetx obbligatorja u hemm numru ta’ tfal li m’aħniex qed nilħquhom. 

“L-iskejjel qed jagħmlu ħilithom sabiex jimplimentaw il-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa u għalhekk il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal għandhom jagħtu prijorità lill-attendenza tat-tfal fl-iskejjel u mhux lill-attivitajiet oħra bħal li jmorru jixtru jew attivitajiet ta’ divertiment.”

L-Uffiċċju temm jenfasizza l-bżonn ta’ investiment fit-tagħlim li jsir online għal dawk it-tfal li ma jistgħux jattendu l-iskola. It-tfal għandhom ikollhom l-opportunità li jaqbdu mal-klassi b’mod dirett sabiex ikunu parti mill-lezzjonijiet. 

L-Uffiċċju, flimkien mal-Kunsill tat-Tfal, appella lill-awtoritajiet konċernati sabiex jagħmlu dak kollu possibbli sabiex id-dritt tat-tfal kollha għall-edukazzjoni jiġi assigurat.

Share With: