Tibda bl-ewwel impenji l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana

Fost l-ewwel impenji tagħha bħala Ministru għall-Edukazzjoni, il-Ministru Justyne Caruana ħadet sehem attiv f’laqgħa tal-Grupp ta’ Azzjoni tal-Ministri għall-Edukazzjoni tal-Commonwealth (EMAG) li matulha ġie diskuss l-impatt tal-COVID-19 fuq is-settur edukattiv.

Matul il-laqgħa kien hemm diskussjoni dwar l-effett li ħalliet l-imxija tal-pandemija fuq dan is-settur, dwar kif qed tingħata l-edukazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi dinjin u wkoll kull ministru responsabbli minn dan is-settur qasam l-esperjenza tal-ħidma li saret biex l-edukazzjoni tibqa’ għadejja fl-iskejjel.

Il-Ministru Caruana ngħatat merħba għall-ħatra tagħha bħala l-Ministru għall-Edukazzjoni l-ġdid tal-Gvern Malti u wkoll awguri għall-ħidma tagħha f’dan is-settur.

Fl-intervent tagħha fil-laqgħa, li saret b’mod virtwali, il-Ministru Caruana spjegat dak li sar fl-iskejjel kollha tal-istat biex dawn infetħu kollha b’suċċess u qed jilqgħu kuljum kemm l-istudenti u wkoll l-edukaturi tagħhom biex it-tagħlim jibqa’ għaddej.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni spjegat ukoll li f’dan ix-xahar u kważi ħmistax-il ġurnata li ilhom miftuħin l-iskejjel, wara l-għeluq ħesrem f’Marzu li għadda minħabba l-pandemija, il-ftuħ tagħhom kien suċċess. Dan kien primarjament wara li ġew implimentati aktar minn 50 miżura qabel il-ftuħ tal-iskejjel, fuq parir tal-Awtoritajiet tas-Saħħa tal-pajjiż.

Il-Ministru Justyne Caruana ħadet ukoll l-okkażjoni biex tirringrazzja kemm l-edukaturi u wkoll l-istudenti, imma wkoll lil dawk kollha li kkontribwew biex l-iskejjel ikunu jistgħu jinfetħu mill-ġdid, fosthom l-imsieħba kollha fis-settur edukattiv.

Matul din il-laqgħa, il-Ministru Cauana kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Dr Frank Fabri.

Fil-jiem li ġejjin il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana se tkompli għaddejja bl-impenji tagħha biex ikompli jissaħħaħ dan is-settur tant importanti għal pajjiżna.

Share With: