Tliet Somali jammettu li aggredew u serqu Ungeriż… jeħlu 11-il sena ħabs bejniethom

Tliet Somali, li għandhom bejn l-24 u s-26 sena, ammettew li serqu oġġetti u flus kontanti minn fuq Ungeriż ta’ 27 sena u li kkaġunawlu ġrieħi ta’ natura ħafifa. Il-każ seħħ fil-21 ta’ Ottubru li għadda fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan. 

L-ewwel investigazzjonijiet urew li wieħed mill-aggressuri qabad lill-vittma minn għonqu u tefgħu fl-art u l-oħrajn serqulu l-arloġġ minn idejh u l-oġġetti li kellu fil-but. Wara ħarbu minn fuq il-post.

Minn iżjed stħarriġ, l-irġiel ġew identifikati u arrestati. Is-Somali Abdikarim Isman Omar, Mustafa Aseyr Ahmed u Mahad Ahmed Abdullahi, tressqu dalgħodu l-Qorti fejn wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Il-Maġistrat Doreen Clarke kkundannat lil Isman Omar u Aseyr Ahmed għal erba’ snin priġunerija waqt li lil Ahmed Abdullahi kkundannatu tliet snin priġunerija. Il-ħatja jridu jħallsu wkoll lill-vittma s-somma ta’ €165 kull wieħed.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Jonathan Cassar u Stephen Gulia mentri l-imputati kellhom lill-Avukat Benjamin Valenzia jassistihom.

Share With: