Tnaqqis ta ‘ aktar minn 90% fit-tniġġis tal-arja permezz ta’ sistema tal-elettriku għall-Cruise Ships u Ro-Ros

Pajjiżna se jkun wieħed minn tal-ewwel fl-Ewropa li jkollu portijiet mgħammra bl-elettriku għall-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru trakkijiet tal-merkanzija jew vetturi oħra. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, fi żjara li għamel illum  fil-Menqa, l-Marsa għall-ewwel xogħlijiet infrastrutturali tal-“Grand Harbour Clean Air Project”. Ir-riżultat minn dan il-proġett li mistenni jitlesta fi żmien tliet snin, huwa li se jnaqqas b’aktar minn 90% tat-tniġġis tal-arja minn dawn il-vapuri.

L-investiment ta’ kważi €50 miljun, li parti minnu huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, se jpoġġi lil pajjiżna fit-tieni post fost il-pajjiżi tal-blokk Ewropew li huma mgħammra b’sistema tal-elettriku għall-Cruise Ships u Ro-Ros. Infrastructure Malta tat bidu għall-ewwel fażi ta’ dan il-proġett li fih se jsir żvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru trakkijiet tal-merkanzija jew vetturi oħra (Ro-Ro ships) ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gass jew bil-heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt.

Fil-ġimgħat li għaddew bdew jitħaffru l-ewwel trinek taħt l-art għall-cables li se jwasslu l-elettriku minn ċentru tad-distribuzzjoni ta’ Enemalta plc fuq l-Għolja tal-Ġizwiti, il-Marsa, lejn il-mollijiet tal-cruise liners fil-Furjana, il-Marsa u Bormla. Il-ħaddiema bdew iqiegħdu fit-trinek l-ewwel medda minn din is-sistema ta’ 22 kilometru ta’ cables ta’ 33 kilovolt, fl-inħawi tal-Menqa, il-Marsa.  

L-ewwel fergħa ta’ din is-sistema se twassal l-elettriku miċ-ċentru tad-distribuzzjoni lejn il-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb u l-mollijiet fix-Xatt ta’ Pinto, man-naħa tal-Port li tmiss mal-Belt Valletta. It-tieni konnessjoni se tinżel mill-Għolja tal-Ġiżwiti lejn il-Moll tal-Pont (Bridge Wharf) u l-Moll tal-Knisja (Church Wharf) fil-Marsa. 

Minn hawn, il-cables jinżlu taħt l-ilma biex jaqsmu lejn Xatt il-Faħam (Coal Wharf), f’Kordin, fejn ikomplu għaddejjin minn taħt l-art fid-direzzjoni ta’ Boiler Wharf, fl-Isla. B’hekk, is-sistema ser tilħaq il-mollijiet ewlenin li jużaw il-cruise liners meta jżuru Malta. 

Share With: