Tnejn arrestati f’rejds għad-droga f’Tas-Sliema u Ħal Qormi

Aktar ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wasslet biex ilbieraħ filgħaxija ġew arrestati żewġt irġiel, f’rejds separati Tas-Sliema u Ħal Qormi.

Wara jiem ta’ osservazzjoni fuq raġel ta’ 31 sena mis-Serbja, il-pulizija daħlu fir-residenza tiegħu Tas-Sliema fejn sabu mal-1.7 Kilo ħaxixa tal-kannabis, ammont ta’ droga kokaina u MDMA, f’ċirkostanzi li juru li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Instab ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, kif ukoll boroż tal-plastik vojta li jintużaw għat-traffikar tad- droga. Il-valur fit-triq tad-droga misjuba tlaħħaq madwar €40,000.

Aktar tard matul l-istess lejl, il-pulizija arrestaw raġel ta’ 25 sena li joqgħod il-Floriana. Huwa twaqqaf bil-vettura tiegħu f’Ħal Qormi u wara tfittxija li saret fuqu, instabu 59 pakkett żgħar b’sustanzi aktarx droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Dwar dawn il-każijiet infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja, biż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti b’arrest għada.

Share With: