Toni Kroos – Aħna pupazzi tal-FIFA u l-UEFA

“Aħna pupazzi tal-FIFA u l-UEFA li jivvintaw kompetizzjonijiet ġodda għall-iskopijiet tagħhom.” Dan kien il-kumment b’ton xi ftit mgħaddab li għadda l-player ta’ nofs il-ground Ġermaniż u ta’ Real Madrid Toni Kroos.

Huwa sostna li kompetizzjoni bħall-UEFA Nations League hi żejda u li ġiet ivvintata sabiex il-federazzjoni Ewropea tagħmel il-profitt.

Il-player ta’ 30 sena qal li min ivvinta kalendarju internazzjonali ta’ dawn il-logħob ma jafx x’inhu jagħmel. 

“Kif tista’ tilgħab tliet logħbiet f’ġimgħa meta suppost tiflaħ tnejn? ” kompla jgħid l-eks plejer ta’ Bayern Munich u Bayer Leverkusen. 

Kroos qal li wara l-waqfa sfurzata li l-players kellhom bejn Marzu u Ġunju minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, huma kellhom jilagħbu matul is-sajf u żgur li xejn ma kienet pjaċevoli fis-sħana u f’livelli ferm għoljin. 

Kroos qal li kemm il-FIFA kif ukoll l-UEFA mhux qed iġibu quddiem għajnejhom saħħet il-players … anzi qed jaraw kemm jistgħu jieħdu mingħandhom aktar milli jmisshom. 

Kroos temm jgħid li wieħed irid jifhem li l-players m’għandhomx xi poteri ta’ barra minn hawn u filwaqt li għandhom il-familja tagħhom, huma qed jgħejjew ukoll. 

Share With: