Trump b’aktar pressjoni biex jikkonċedi t-telfa elettorali wara li jitlef proċeduri legali f’Pennsylvania

Il-President Donald Trump qed jiffaċċja dejjem aktar pressjoni biex jikkonċedi t-telfa lir-rival tiegħu Joe Biden wara li tilef proċeduri legali li fetaħ fl-istat ta’ Pennsylvania dwar il-proċess tal-għadd tal-voti fl-elezzjoni presidenzjali Amerikana.

Mindu Biden kien iddikjarat rebbieħ ġimagħtejn ilu, trump nieda sensiela ta’ proċeduri legali u kampanja ta’ pressjoni biex l-istati ma jiċċertifikawx it-total tal-voti magħdudin.

Madankollu s’issa t-tentattivi tiegħu fallew f’Georgia, Michigan u Arizona.

Ilbieraħ, Matthew Brann, imħallef federali Repubblikan innominat mill-eks-President Amerikan Barack Obama, waqqaf ukoll sforzi simili fl-istat ta’ Pennsylvania fejn qal li l-każ jammonta għal “argumenti legali mġebdin, bla mertu u mimlijin b’akkużi spekulattivi”.

Biex Trump jibqagħlu tama li jżomm ir-riedni tal-poter fil-White House, huwa jeħtieġ li jelimina l-vantaġġ ta’ 81,000 li Joeb Biden kiseb f’Pennsylvania. L-istat mistenni li jibda jiċċertifka r-riżultati tiegħu għada.

Share With: