Under 21: Malta ttemm l-impenji Ewropej b’telfa
Minn Cristian Muscat – ritratt: Domnic Borg
Malta …………0
Finlandja …….1
Malta temmet l-impenji tagħha fi Grupp 8 ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew ta’ Taħt il-21 sena b’telfa minima ta’ 1-0 kontra l-Finlandja u b’hekk temmet l-impenji tagħha fl-aħħar post, b’punt wieħed biss.
Il-Maltin ftit li xejn impressjonaw għalkemm il-wirja fit-tieni taqsima tjiebet hekk kif ippruvaw jagħmlu reazzjoni fit-tentattiv li jsalvaw ir-riżultat.
Iżda fil-veritá sabu difiża kompatta u organizzata biex ħolqu tliet azzjonijiet biss li waslu lejn it-tmiem.
Min-naħa l-oħra, il-Finlandja kienu tattikament dixxiplinati u atletikament aħjar f’kull dipartiment.
Ta’ nota huwa l-fatt li mill-partita preċedenti li fiha Malta sfat megħluba bl-iskor kbir ta’ 4-1 mill-Ukrajna, il-coach tat-team nazzjonali Malti, Silvio Vella, effettwa bidla waħda meta Marcus Grima ħa post il-player ta’ Hibernians, Ayrton Attard, li weġġa’ fil-jiem ta’ qabel, waqt it-taħriġ, biex in-nuqqas tiegħu nħass ferm.
Fis-seba’ minuta, Silvio Vella, kien kostrett jeffettwa wkoll sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ Gary Camilleri biex minfloku daħal is-sostitut Matthew Ellul.
Il-Finlandiżi fetħu l-iskor proprju fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota li ħolqu, fit-18-il minuta, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Lucas Lingman, pront kien BENJAMIN KALLMANN li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa.
Huma komplew jiddominaw u, fis-27 minuta, Kallmann approfitta minn throw-in erratiku ta’ Myles Beerman f’nofs il-ground, avvanza fil-kaxxa iżda kellu x-xutt angolat fil-baxx jintemm ftit barra.
Il-kumplament ta’ din it- taqsima kien wieħed ferm kwiet u nieqes minn kull emozzjoni karatterizzat minn ħafna logħob f’nofs il-ground.
L-istess jista’ jingħad għat-tieni taqsima, fejn kien biss fid-79 minuta li ġiet innutata l-ewwel azzjoni meta Jamie Zerafa avvanza minn nofs ground iżda x-xutt dgħajjef tiegħu minn tarf il-kaxx ġie salvat mingħajr l-ebda diffikultá mill-goalkeeper Vijami Sinisalo.
Fil-ħin miżjud, l-istess Sisnisalo salva fuq Jamie Scicluna u minuta wara dan tal-aħħar laqat il-ballun ħażin minn taħt il-lasti.
MALTA: 23-Rashed Al-Tumi, 4-Nicholas Pulis, 6-Jamie Zerafa (15-David Xuereb 75), 7-Aidan Jake Friggeri, 9-Omar Elouni (5-Andrea Zammit 75), 10-Jan Busuttil (16-James Scicluna 75), 11-Myles Beerman, 13-Zachary Grech, 14-Marcus Grima (2-Bradley Sciberras 70), 17-Carlo Zammit Lonardelli, 18-Gary Camilleri – Coach: Silvio Vella
FINLANDJA: 1-Viljami Sinislao, 2-Aapo Halme, 3-Martti Haukioja, 9-Benjamin Kallman, 10-Naatan Skytta (13-Eeetu Vertainen 87), 14-Robin Tihi, 15-Matias Vainionpaa, 16-Lucas Lingman, 17-Timo Stavitski (20-Tobias Fagerstrom 87), 18-Jasin Assehnoun (22-Enoch Banza 80), 21-Nilo Maenpaa (6-Miko Virtanen 71) – Coach: Juha Malinen
REFEREE: Nikola Popov (Bulgarija)
ASS. REFEREES: Georgi Todorov, Martin Angelov (Bulgarija)
RABA’ UFF: Nikolai Yordanov (Bulgarija)
SKORERS: B. Kallmann 18 (F)
AMMONITI: L. Lingman (F), M. Grima, A. J. Friggieri (M)