UNL: Devis Mangia jemmen li nistgħu niktbu l-istorja

Illum Malta tilgħab l-aħħar logħba minn Grupp D1 tal-UEFA Nations League meta fl-Istadium Nazzjonali tospita lil Faroe Islands. Din il-logħba hija waħda deċiżiva għar-rebħ tal-grupp u l-kwalifikazzjoni eventwali għall-edizzjoni li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni.

It-team nazzjonali Malti kiseb sensiela ta’ sitt riżultati pożittivi meta ninkludu l-partiti ta’ ħbiberija (kontra Ġibiltá u Liechtenstein) li ġiet issiġillata bir-rebħa kon­tra Andorra ta’ nhar is-Sibt li għadda.

Minkejja li sofrew goal wara tliet minuti, il-players Maltin għamlu reazzjoni u rnexxielhom idawru telfa f’rebħa b’auto-goal ta’ Emili Garcia, Jurgen Degabriele u Shaun Dimech.

Din l-istess reazzjoni kkonfermat li t-team nazzjonali Malti, taħt il-gwida tal-coach Devis Mangia li f’din il-partita se jkun qed jirritorna fuq il-bank wara li serva logħba sospensjoni, għamel pass ‘il quddiem fl-attitudni tiegħu b’dan il-proġett li ħejja li diġá beda jagħti l-frott mixtieq.

Intant, għall-Maltin, se jirritorna wkoll id-difensur ċentrali ta’ Gzira United, Steve Borg, wara li kien sospiż.

Il-Faroe Islands qed jillidjaw il-klassifika b’vantaġġ ta’ tliet punti fuq Malta u għal­daqstant xejn għajr minn    rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħna biex niksbu l-promozzjoni għal Grupp C.

Barra minn hekk irridu npattu għad-diżappunt tat- telfa ta’ 3-2 għand l-istess Faroes meta sofrejna żewġ goals fl-aħħar mumenti tal- logħba meta sat-88 minuta konna fil-vantaġġ ta’ 2-1.

Intant, f’konferenza stampa li saret il-bieraħ fis-sala tal-konferenzi tal-Istadium Naz­zjonali, il-coach naz­zjonali saħaq fuq il-fatt li l-players tiegħu iridu jieħdu pjaċir jilagħbu din il-partita u fuq kollox li jkunu kburin li qed jilbsu l-flokk tat-team nazzjonali. Dan filwaqt li tenna li jinsab fiduċjuż li flimkien kapaċi niktbu l-istorja.

Meta mistoqsi dwar kemm hu diffiċli li l-players jirreżistu għall-pressjoni li ġġib magħha partita bħal din, Mangia kien tal-opinjoni li għandu players intelliġenti u li jafu kif għandhom jaffrontaw logħbiet bħal dawn.

Hija ħaġa naturali li Malta se tipprova tirbaħ din il-partita, iżda jaf li l-avversarji tagħha se jimmiraw biex joħorġu mill-ground bla telfa biex eventwalment jirbħu l-grupp huma.

Il-coach nazzjonali qal li jinsab għaddej bi proġett li beda jħalli l-frott għalkemm għad fadal xi affarijiet oħra xi jsiru. Hu qal li flim­kien mat-team tiegħu qed jaħdmu ħafna psikoloġikament fuq il-players biex jemmnu aktar fil-kapaċitajiet tagħhom filwaqt li jkunu konvinti li jistgħu jiksbu l-promozzjoni għal-League C.

Mangia qal li jemmen ħafna fit-talent żagħżugħ u jaf li dawn il-players mhu­miex se jiddiżappuntawh min­ħabba li kollha kemm huma qed jagħtu l-massimu tagħhom.

Tkellem ukoll il-captain tat-team nazzjo­nali Malti, Andrei Agius, li qal li fuq kollox din hija logħba bħall-oħrajn minkejja l-pres­tiġju li ġġib magħha. Hu qal li dawn it-tip ta’ konfronti huma l-premju ta’ ħafna  xogħol li sar dan l-aħħar u jinsab kuntent li qed jaslu għalih.

Hu rrefera għall-karriera tiegħu li kien fiha minn kollox fejn għandu x’jaqsam it-team nazzjonali Malti u issa li għandu l-esper­jenza meħ­tieġa qed jipprova jkun ta’ gwida għall-players żgħażagħ li qed jimlew il-post ta’ dawk veterani meta jkun meħtieġ.

Mistoqsi dwar il-bidla li saret fit-team nazzjonali, Agius qal li mentalment il-players issa jafu li kapaċi jkunu avventurużi u mhux jiddejqu jattakkaw bil-konsegwenza li qed jaslu l-goals.

Hu faħħar lill-istaff kollu tat-team naz­zjonali li ħadem fuq diversi rqaqat biex waslu għal dawn ir-riżultati.

Il-logħba se tintlagħab fid-8.45 pm u se tkun imxandra diretta fuq TVM2.

Share With: