UNL: Malta tispiċċa fi draw … u tonqos milli takkwista l-promozzjoni għall-Grupp C

Minn Cristian Muscat  –  ritratt: Dominic Borg

Malta …………….…1

Faroe Islands ……1

Malta temmet l-impenji tagħha tal-UEFA Nations League fi draw ta’ 1-1 kontra l-Faroe Islands biex ma rnexxilhiex tirbaħ il-grupp u naqset milli tikseb il-promozzjoni għall-Grupp C.

L-aspettattiva kienet waħda għolja iżda daqstant diffiċli kienet din il-partita. Forsi d-dilettanti Maltin stennew “ripetizzjoni” tar- rebħa kontra Andorra … iżda lgħabna kontra avversarji li tattikament u teknikament kienu ferm aħjar.  

Il-coach Devis Mangia wettaq bidla waħda mill-aħħar partita hekk kif Steve Borg, li rritorna minn sospensjoni, ħa post Karl Mi­callef.

Wara biss żewġ minuti, kellu jkun il-captain Andrei Agius li evita l-periklu meta mill-cross insidjuż ta’ Meinhard Olsen, Solvi Vatnha­mar deher li seta’ jagħmel il-ħsara. Minuta biss wara l-istess Olsen illobja fuq id-difiża Maltija iżda l-goalkeeper Henry Bonello kien puntwali qabel Odmar Faero taħt il-lasti Maltin.

B’mod gradwali l-players Maltin bdew jissetiljaw fejn, Joseph Mbong fuq il-le­min u Ryan Camenzuli fuq ix-xellug, kienu l-arma letali  bil-crosses insidjużi li peró bdew jiġu antiċpati mid-difiża avversarja, tant, li l-goalkeeper Teitur Gestsson rari ġie mpenjat serjament.

Iżda daqstant ieħor id-difiża Maltija kienet attenta li fgat kull moviment tal-attakkanti avversarji biex prattikament l-andament tal-partita kien minn kaxxa sa kaxxa għajr lejn l-aħħar kwarta tal-ewwel taqsima fejn il-Faroes kienu aktar avventurużi … u anke resqu viċin.

 Fil-31 minuta, il-Maltin rebħu free-kick fi tliet kwarti ta’ ground fejn b’mod mill-aktar intelliġenti, Ca­menzuli xeħet fuq ix-xellug fejn Luke Gambin ħareġ għall-ballun, avvanza fil-kaxxa iżda l-cross tiegħu fil-baxx kien wisq dgħajjef biex iċ-ċans inħela.

Tliet minuti wara, Bonello wettaq save determinati minn kanunata ta’ Brandur Hen­driksson wara li rċieva mingħand Klaemint Olsen.

Ir-reazzjoni tal-Maltin kie­net waħda mmedjata me­ta Camenzuli ġibed lejn ix-xellug iżda pprefera li jixħet għan-nofs milli jixxuttja lejn il-lasti hekk kif kien f’po­żizzjoni ideali.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima ħadna ferħa bla temma meta Mbong għadda lejn Gambin li xeħet il-ballun fix-xibka … iżda ġie ġġudikat f’pożizzjoni mar­ġinali ta’ offside.

Iżda fl-54 minuta, ftaħna l-iskor meta mill-free-kick ta’ Teddy Teuma, Andrei Agius kompla għan-nofs, bid-difensur Olsen jikklerja qasir biex minn tarf il-kaxxa, MATTHEW GUILLAU­MIER venven xutt qawwi li għeleb għal kollox lil Getsson.

Kien goal li ta injezzjoni morali lill-players Maltin fejn l-avversarji dehru xi ftit demoralizzati għal mod kif sofrew il-goal kmieni mal-ftuħ tat-tieni taqsima.

Madankollu meta l-players tagħna dehru li se jieħdu r-riedni tal-partita, kontra x-xejra tal-logħob, fis-70 minuta, sofrejna goal kiesaħ u biered li seta’ ġie evitat.

L-azzjoni bdiet min-nofs il-ground fejn id-difiża Maltija nqabdet fuq sieq waħda biex Solvi Vatnhamar daħal fil-kaxxa b’mod liberu u xeħet cross fil-baxx fejn is-sostitut Ari Mohr Jons­son, waħdu quddiem il-lasti ma kellu l-ebda diffikultá jiddepożita l-ballun fix-xibka.

Ħames minuti wara, Joseph Mbong resaq ferm viċin iżda minn taħt il-lasti ra lil Getsson jilqa’ t-tentattiv tiegħu. 

Fit-82 minuta, Kyrian Nwoko ġie antiċipat fil-ħin minn Viljormur Davidsen hekk kif deher li seta’ jikkonkludi.

Il-coach Malti wettaq bosta sostituzzjonijiet hekk kif xeħtu kollox fuq l-attakk li bdew ġejjin minn kull naħa … bid-difiża avversarja ingħalqet fil-kaxxa tagħha biex tipproteġi r-riżultat ta’ draw.

Tliet minuti mit-tmiem Guillaumier spara xutt minn barra l-kaxxa li ġie milqugħ bi tbatija minn Getsson.

MALTA: 1-Henry Bonello,  3-Ryan Camenzuli, 4-Ste­ve Borg, 5-Andrei Agius (21-Shaun Dimech 84), 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 9-Luke Montebllo (14-Kyrian Nwoko 75), 13-Kurt Shaw, 17-Teddy Teuma (10-Steve Pisani 78), 18-Jurgen Degabriele (22-Alessandro Satariano 84), 20-Luke Gambin  – Coach: Devis Mangia 

FAROE ISLANDS: 12-Tei­tur Gestsson, 3-Viljormur Davidsen,  6-Hallur Hansson (4-Bartal Wardum 87), 7-Joannes Bjartalid (19-Ari Mohr Jonsson 61), 8-Brandur Hendriksson, 9-Gilli Sorensen, 10-Solvi Vatnhamar, 11-Klaemint Olsen (22-Hilmar Leon Jakobsen 81), 15-Odmar Faero, 16-Gunnar Vatnhamar, 18-Meinhard Olsen (21-Hedin Hansen 88) – Coach: Devis Mangia

REFEREE: Kristo Tohver (Estonja)

ASS. REFEREES: Silver Koiv, Sten Klaasen (Estonja)

RABA’ UFF.: Juri Frischer (Estonja)

SKORERS: M. Guillaumier 54 (M);  A.M. Jonsson 70 (FI)

AMMONITI: T. Teuma (M); O. Faero, H. Hansson (FI)

Share With: