Van Gogh – Il-ġenju bil-problemi ta’ saħħa mentali

Studju ġdid jgħid li l-vizzju tax-xorb seta’ kkawżalu mill-inqas żewġ episodji ta’ dillirju

Minn – CARMEN CACHIA

Studju ġdid juri li l-artist ta’ fama dinjija, Vincent Van Gogh seta’ kellu mill-inqas żewġ episodji ta’ dillirju kkawżat min-nuqqas ta’ alkoħol li kien imdorri jikkonsuma fuq bażi regolari. Dan il-pittur post-impressjonista, magħruf għal xogħlijiet kbar fosthom “Sunflowers” u “The Starry Night”, baqa’ mfakkar għall-att estrem li fih qata’ widnejh stess f’argument li kellu. Sentejn wara huwa kkometta suwiċidju.

Van Gogh dwar dan l-inċident feroċi kien iġġustifikah bħala “sitwazzjoni momentarja ta’ ġenn ta’ artist” u aktar tard qal li meta qata’ widnejh huwa kellu tip ta’ deni li kkawżalu nervi kbar jew id-deni stess affetwalu moħħu. Iżda, minn riċerka ġdida li saret fl-Olanda, instabu fatti ġodda u interessanti dwar l-istat mentali ta’ dan il-ġenju bil-vizzju tax-xorb.

Esperti fl-Università tal-Mediċina Groningen għamlu studju fil-fond permezz ta’ eżaminazzjoni psikjatrika fuq il-mijiet ta’ ittri li l-artist kien kiteb li fil-maġġoranza tagħhom kienu għall-għażiż ħuh Teo, kif ukoll raw dokumenti mediċi li kellhom disponibbli mill-arkivji.

Huma sabu li l-artist probabbilment esperjenza żewġ dillirji kkawżati minn withdrawal tal-alkoħol wara li qata’ widnejh stess. Iżda, minħabba li l-pazjent f’dan il-każ ma setgħax ikun mistoqsi dwar dan il-każ, ir-riċerkaturi enfasizzaw li l-konklużjonijiet tagħhom għandhom ikunu kkonsidrati b’kawtela.

Huwa maħsub li Van Gogh kien ibati minn għadd ta’ diżordnijiet psikjatriċi ssuspettati li huma bi polar u borderline personality. Dawn il-kundizzjonijiet fis-saħħa mentali tal-artist qatt però ma kienu djanjostikati.

Ansjetà, delużjonijiet u alluċinazzjonijiet

Skont din ir-riċerka ġdida hemm inqas probabbiltà li l-artist Olandiż kien skizzofreniku. Rigward jekk huwa kienx isofri minn episodji ta’ epilessija, djanjosi stabbilita mit-tobba tiegħu stess, ir-riċerkaturi jemmnu li din kienet “maħsuba“ bħala epilessija imma ma kinitx il-kundizzjonijiet proprja li kien ibati minnha.

Dan ifisser li l-pazjent ma kienx ibati minn aċċessjonijiet normali iżda kellu diżordni fl-imġieba riflessa f’mumenti epilettiċi f’partijiet aktar profondi fil-moħħ. Dawn l-aċċessjonijiet li kien ikollu Van Gogh setgħu jikkawżawlu ansjetà, delużjonijiet u alluċinazzjonijiet.

Fil-każ ta’ dan l-artist b’talent kbir, il-mumenti li fihom kien isofri bl-epilessija setgħu ġew ikkawżati minn ħsara fil-moħħ konsegwenza tal-istil ta’ ħajja li kien jgħix. Skont ir-riċerkaturi, l-abbuż mill-alkoħol, dieta ħażina, nuqqas ta’ rqad u għejja mentali setgħu kienu l-fatturi tal-istat mentali tiegħu. Minħabba li testijiet aktar avvanzati bħalma huma scans tal-moħħ u x-rays sofistikati ma kienux disponibbli fi żmienu, huwa diffiċli li tikkonferma b’mod uffiċjali studji bħal dawn mija fil-mija.

Din l-informazzjoni ġdida mir-riċerkaturi Olandiżi kienet ippubblikata mill-“International Journal of Bipolar Disorders”. Il-Professsur tal-Psikjatrija li kkordina r-riċerka, Willem Nolen, wissa li jista’ jkun li Van Gogh ma esprimiex sinċerament is-sentimenti tiegħu fl-ittri miktuba jew li ħalla ċerti dettalji ta’ ħsibijietu barra mill-istess kitba.

Minħabba f’hekk, dan il-professur qal li r-riċerka tagħhom fuq dan il-persunaġġ, mhix se tieqaf hawn.

Il-kreattività artistika u ġenjali ta’ Van Gogh xi drabi hija attribwita għall-problemi fis-saħħa mentali li kellu iżda esperti tal-arti jisħqu li l-kapolavuri tiegħu kienu talent kbir fl-arti, li ħadem tul ħajtu kollha biex jipperfezzjonaha. Fil-fatt, jingħad li huwa rarament kien jaħdem waqt li ma kienx iħossu f’postu.

Minkejja li kellu tant problemi Van Gogh kien motivat ħafna biex ipitter u kien stqarr li għalih ir-rimedju għall-problemi tiegħu kienu l-ħbiberiji kbar u sinċieri.

Huwa miet fid-29 ta’ Lulju, 1890, jumejn biss wara li pprova jneħħi ħajtu b’idejh.

Share With: