Virologu ottimist bl-aħħar żviluppi dwar il-vaċċin tal-Covid-19

Dr Chris Barbara jisħaq li dak ta’ AstraZeneca u ta’ Pfizer jidhru promettenti ħafna

F’kummenti ma’ inewsmalta, il-Virologu Dr Chris Barbara qal li jinsab ottimist ħafna fl-isfond tal-aħħar żviluppi f’dak li jirrigwardja l-vaċċin tal-Covid-19. Huwa qal li minkejja li hemm ħafna tilqim oħra, dak ta’ AstraZeneca u ta’ Pfizer jidhru promettenti ħafna.

“Li rajna li AstraZeneca diġà għaddejja bil-provi kliniċi, fejn waqfet għall-perjodu minħabba sigurtà, u issa sabu li s-safety profile s’issa tidher tajba. Dik taħdem b’mod sabiħ għax tuża’ virus ieħor biex iwassal il-proteina tal-Covid ġo fina b’mod naturali. Dik tidher xi ħaġa innovattiva u promettenti ħafna,” qal Dr Barbara.

Min-naħa l-oħra l-kumpanija Pfizer uriet li mill-provi kliniċi r-riżultati qed jindikaw li 90% ta’ dawk li ħadu t-tilqima qed ikollhom il-protezzjoni għal dan il-virus. “Fuq dik jien ninsab ottimist ħafna, imma ottimiżmu b’ċertu kawtela għaliex trid tara l-protezzjoni kemm iddum. Probabilment se jkollna nieħdu l-ewwel darba forsi tilqima mbagħad tieħu booster wara u forsi jkollna bżonn tilqima kull sena. Pero l-fatt li minn dawn il-provi kliniċi deher li 90% tan-nies li ħaduha ħadu l-protezzjoni, hemmhekk jien għandi element ta’ ottimiżmu sabiħ,” qal Dr Barbara.

“Mas-saħħa tal-bniedem ma niċċajtawx”

Dr Barbara żied jgħid li mas-saħħa tal-bniedem ma jiċċajtawx u s-safety profile tal-oġġoett għalihom hija waħda mill-iktar affarijiet importanti li jikkonsidraw. “Semmejt b’kawtela għax jien nħobb l-affarijiet nippruvahom jien. L-ottimiżmu li milli qed naraw qed jingħataw riżultati tajbin iżda fl-istess ħin irridu niddiskutu aktar u għandna ċertu mistoqsijiet li nixtiequ nistaqsu biex inkunu ċerti minn dak li qed naqraw,” qal Dr Barbara. Infatti huwa kkonferma li bħala kumitat se jkollhom laqgħa virtwali mal-kumpanija tal-Pfizer ħalli jistudjaw aktar dan l-istudju li qed jagħmlu.

Dr Barbara qal, “Jien mhux qed nikkonsidra min hu l-ewwel fit-tellieqa ta’ min se jkollu l-ewwel tilqima, imma l-iktar ħaġa li għandna nifhmu hija l-effiċjenza u s-sigurtà. Dawn huma żewġ fatturi tant importanti.”

Permezz ta’ tweet, anke l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ikkummentat dwar ir-riżultati ta’ suċċess fl-aħħar provi kliniċi ta’ Pfizer u BioNTechGroup. Filwaqt li qalet li hija aħbar sabiħa, hija żiedet tgħid li l-Unjoni Ewropea qalet li hija viċin ħafna li tiffirma kuntratt mad-ditti Pfizer u BioNTech għal 300 miljun doża ta’ vaċċin.

“Ma kinitx xi sorpriża li qed narawhom il-każijiet anzi konna qed nistennewhom”

Mitlub jikkummenta dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, anke fl-isfond li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li hemm 80 pazjent marid serjament f’Mater Dei, Dr Barbara qal, “Fil-bidu meta kienet għadha tibda l-Covid konna qed ngħidu preċiż il-persentaġġi tan-nies minn kull età li jistgħu jiġu effettwati minn dan il-virus. Konna nsemmu li l-maġġorparti ta’ dawk li l-iktar li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar se jkunu nies anzjani, nies li jkunu vulnerabbli pero mbagħad li jkollok numri ta’ persentaġġ ħafna iżgħar li jkunu ta’ età zgħira.”

Huwa qal li issa meta n-numri żdiedulna f’dawn l-aħħar ftit xhur, bħalma ġara fil-kumplament tad-dinja, allura f’pajjiżna bdejna naraw mhux biss etajiet ta’ anzjani imma bdejna naraw ukoll etajiet li huma żgħar u rajna anke ftit imwiet ta’ etajiet li relativament huma żgħar. “Ma kienet l-ebda sorpriża għalija għax meta n-numri jiżdiedu mbagħad inti dak il-persentaġġ se taqbad minnhom ukoll. Ma kinitx xi ħaġa ta’ sorpriża li qed narawhom il-każijiet anzi konna qed nistennewhom,” temm jgħid Dr Barbara.

Share With: