Xhur wara li seħħ il-każ ta’ salut faxxist waqt protesta fil-Belt; Il-Pulizija għad trid tressaq persuna l-Qorti

Minn Carmen Cachia

Il-persuna li ftit tax-xhur ilu għamlet salut faxxista waqt protesta fil-Belt, kienet ġiet identifikata mill-Pulizija fejn minnufih inbdew l-investigazzjoni dwar dan il-każ. Inewsmalta għamlet kuntatt mal-Pulizija dwar l-andament tal-proċeduri b’rabta ma’ dan il-każ u fir-risposta tagħha, qiegħda tgħid li persuna se tressaq il-Qorti.

Meta kien seħħ dan il-każ, il-Pulizija kienet qalet lil dan is-sit li kienet fetħet l-investigazzjoni u identifikat lill-persuna kkonċernata. Sadanittant komplew l-investigazzjonijiet meħtieġa u kien mistenni li ladarba ffinalizzati, jinħarġu l-akkui b’rabta ma’ dan il-każ. Minkejja li għaddew ix-xhur, din il-persuna għadha ma dehritx il-Qorti.

Jekk din il-persuna tinstab ħatja jista’ teħel, piena ta’ priġunerija ta’ bejn sitt xhur u 18-il xahar. 

Il-liġi ta’ Malta ma tippermettix li jkun hemm użu ta’ kliem jew imġieba ta’ theddid, abbużivi jew insolenti, jew esebizzjoni ta’ xi materjal miktub jew stampat li jkun ta’ theddid, abbużiv jew insolenti, jew xort’oħra fejn persuna ġġib ruħha b’dak il-mod, bil-ħsieb li b’hekk tqajjem vjolenza jew mibegħda razzjali kontra xi persuna oħra jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ ġeneru, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, kulur, lingwa, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin jew opinjoni politika jew opinjoni oħra jew b’hekk tinħoloq il-probabbiltà li meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi kollha, titqajjem vjolenza jew mibegħda  razzjali.

Share With: