Zejtun Corinthians jumiljaw lil Sirens

Minn Cristian Muscat

Sirens……………..0

Zejtun C…………..4

B’wirja mill-aqwa, Zejtun Corinthians umiljaw lil Sirens meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 4-0. Huma kienu tattikament dixxiplinati u organizzati mill-bidu sat-tmiem fejn qatt ma taw ċans lil Sirens jidħlu fil-partita biex dawn tal-aħħar lanqas ħolqu azzjoni waħda denja ta’ nota.

Din kienet wirja oħra li tabilħaqq kompliet tikkonferma li l-Corinthians jistgħu jilħqu t-tragward tagħhom li jżommu posthom mal-elite tal-football Malti fl-ogħla diviżjoni waqt li min-naħa l-oħra, m’hemmx dubju li jekk wara staġun ferm pożittiv fejn saħansitra kisbu post fl-Ewropa, Sirens iridu jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier, iridu jipproduċu wirjiet ferm aħjar minn din.

Il-Pawlini kellhom lil Michael Mifsud sospiż.

Kien mal-kwarta logħob li fl-ewwel azzjoni, il-Corinthians fetħu l-iskor meta FERNANDO JUNIOR rċieva pass mingħand Neil Tabone f’nofs il-ground, avvanza u għadda minn bejn bosta difensuri hekk kif ġibed lejn ix-xellug u għeleb lill-goalkeeper ta’ Sirens, David Cassar b’xutt fil-baxx.

Huma komplew fuq l-offensiva u fit-22 minuta, irduppjaw meta Vitor Vieira indirizza cross mil-lemin għan-nofs u mill-viċin KEMAR REID kien pront u antiċipa lil kulħadd permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża, bil-ballun jintemm fix-xibka.

Fit-38 minuta għamluhom tlieta meta d-debuttant VITOR DA SILVA VIEIRA rebaħ il-ballun fi tliet kwarti ta’ ground, avvanza u b’xutt qawwi għeleb lil David Cassar, li ra l-ballun jgħaddi proprju minn taħtu qabel spiċċa fix-xibka.

It-tieni taqsima kienet ferm kwieta, karatterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, iżda fil-71 minuta, il-Corinthians skorjaw ir-raba’ goal meta Edward Herrera għadda through pass lejn VITOR DA SILVA VIEIRA li daħal tajjeb u permezz ta’ xutt angolat, tefa’ l-ballun fix-xibka, biex b’hekk irreġistra doppjetta f’din l-ewwel dehra tiegħu fil-kampjonat Malti.

U fid-89 minuta Zejtun setgħu għamluhom ħamsa meta s-sostitut Adrian Carabott indirizza cross mil-lemin li sab lil Vitor da Silva Vieira li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin laqat il-mimduda biex ġie mċaħħad minn hat-trick personali.

SIRENS 24-David Cassar, 4-Jonathan Pearson, 6-Ryan Grech, 7-Wellington de Oliveira (20-Samba Tounkara 46), 10-Maxuell Maia da Silva (28-Angel Manuel Bustos 46), 11-Wilfried Domoraud, 19-Adrian Borg, 21-Ryan Scicluna (17-Jacob Walker 75), 23-Terence Agius, 90-Romeu Pericles Romao, 99-Thiago Espindola Coach: Steve D’Amato

ZEJTUN 1-Christian Cassar, 4-Diego Albanese (19-Gianluca Bugeja 79), 5-Lucas Gama Moreira, 9-Kemar David Reid, 10-Jurgen Suda (7-Adrian Carabott 75), 15-Marcelo Pereira Muniz, 21-Fernando Jose Gomes Junior (8-Dylan Agius 79), 22-Vitor da Silva Vieira, 24-Edward Herrera (2-Alessio Cassar 75), 27-Neil Tabone (77-Gillmore Azzopardi 58), 86-Anderson de Barros Coach: Orosco Anonam

Referee: Darryl Agius

Ass. Referees: Luke Portelli, Thomas Debono

Raba’ Uffiċjal: Trustin Farrugia Cann

Skorers: F. J. Gomes Junior 15, K. D. Reid 22, V. Da Silva Vieira 38, 71 (Z)

Ammoniti: R. Grech, T. Espindola (S)

Player tal-Logħba: Fernando Jose Gomes Junior (Z)

Share With: