“1.6 miljun tilqima għal Malta fl-ewwel jiem tas-sena… it-tilqima se tingħata bla ħlas” – il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne

Minn Victor Vella

Il-Viċi Prim Ministru u MInistru għas-Saħħa, Chris Fearne fi stqarrija Ministerjali fil-Parlament iddikjara li Malta fl-ewwel jiem tas-sena d-dieħla se jkollha għad-dispożizzjoni 1.6 miljun tilqima kontra l-Covid19. L-ewwel li se jitlaqqmu f’Jannar huma il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u l-anzjani li għandhom aktar minn 85 sena. Fi Frar it-tilqima se tingħata lill-front liners kollha li jkun fadal u lill-anzjani kollha li għandhom minn 80 sena ‘l fuq. Wara it-tilqima se tingħata lil dawk vulnerabbli u lil għalliema u għal dawk li għandhom ‘l fuq minn 70 sena. Wara se jkunu dawk ta’ ‘l fuq minn 55 sena li jingħataw t-tilqima biex imbagħad il-proċess jinfetaħ għall-popolazzjoni kollha. 

Il-Ministru Fearne qal li  “fi Frar ta’ din is-sena u qabel l-ewwel każ konfermat f’Malta, jien kont għamilt talba quddiem il-kunsill tal-Ministri biex nibdew il-preparamenti biex nixtru tilqima flimkien kontra l-Covid19. Dakinhar għalkemm innutawha ftit taw każ tagħha. Erġajt għamilt it-talba f’April. Fil-bidu tas-sajf numru ta’ pajjiżi kbar ftehmu biex jixtru t-tilqima flimien. Dawn kienu Franza, l-Italja, l-Ġermanja u l-Olanda. Malta ingħaqdet ma’ dan il-grupp. Wara l-Kummissjoni Ewropea ħadet il-proċess f’idejha għax kien hemm pajjiżi oħra li imbagħad riedu li jingħaqdu magħhom. L-Unjoni Ewropea għandha ftehim ma’ sitt kumpaniji fosthom Pfizer, Moderna, Astra Żeneca  u Sanofi GSK fost oħrjan. Malta għandha aċċess immedjat bħal pajjiżi oħra Ewropej”

Spjega li l-aktar kumpaniji li jinsabu fi stadju avvanzat huma Pfizer u Moderna.  “Malta  se jkollha 1.6 miljun doża u dan apparti s-700,000 doża li hemm ordnat minn kumpaniji oħra”, spjega l-Ministru Chris Fearne.

Enfasizza li “għal Pfizer id-data ta’ awtorizazzjoni fl-Unjoni Ewropea hi għad-29 ta’ Diċembru, ta’ Moderna l-awtorizazzjoni se tkun fit-12 ta’ Jannar, waqt li l-Astra Zeneca l-awtorizazzjoni se ssir Frar jew Marzu. Gġalhekk id-dipartiment tas-Saħħa Malti qed jibbażata fuq Pfizer u Moderna.”

Hu spjega li hemm bżonn li t-tilqima tinzamm f’temperatura  partikolari u l-gvern diġa ħaseb fejn se jkun qed iżommha.

Spjega li “rridu naċċertaw li s-servizzi tas-saħħa ikun ta’ kwalità. L-għoti ta’ kif se nagħtu t-tilqima se nżommu dan il-prinċipju. Jekk l-awtorizazzjoni tingħata l-ewwel dożi ta Pfizer jaslu fil-bidu ta’ Jannar u tal-Moderna fil-bidu ta’ Frar.  It-tir tal-awtoitajiet Maltin hu li nlaqqmu fl-inqas żmien possibbli u sigur.  F’Jannar hu ppjanat li noffru t-tilqima lill-impjegati kollha tas-saħħa. Ma’ dawn se nlaqqmu l-istaff fid-djar tal-anzjani, u lir-residenti fl-istess djar.  F’Jannar se jitlaqqmu l-anzjani kollha li għandha aktar minn 85 sena.”

Tenna li “fi Frar se noffru t-tilqima lil front lines kollha u wara l-anzjani li għandhom aktar minn 80 sena.”

Enfasizza li “wara t-tilqima lil dawk b’mard kroniku, lil istaff tal-iskejjel u dawk li għandhom ‘l fuq minn 70 sena. Wara tinfetaħ għal dawk li għandhom aktar minn 55 sena u wara tinfetaħ għal popolazzjoni kollha. It-tilqima se tingħata bla ħlas”.

Spjega li l-persuni indikati se jirċievu ittra li tindikalhom fejn iridu jmorru u f’liema ħin biex jingħataw t-tilqima. Għal min ma jistax joħroġ mid-dar, it-tilqima se tingħatalhom f’darhom. “Kburi bit-tim ta’ professjonisti li għandi miegħi. It-tmiem mhux il-bogħod. Il-virus għadu magħna u jibqa’ magħna sakemm inlaqqmu ammont sew mill-poplu. Dalwaqt il-ħajja soċjali tagħna se tkun qed terġa’ tieħu -ruħ. Dalwaqt Malta u Għawdex se jieħdu ir-ruħ”.

Share With: