25,000 impjieg salvat waqt il-pandmeija bis-saħħa ta’ provediment fil-liġi tax-xogħol

Minn Marzu 2020 lil hawn, madwar 1,000 kumpaniija ngħataw permess sabiex b’mod temporanju jbiddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex ikunu jistgħu jżommu l-ħaddiema tagħhom. Huwa stmat li permezz ta’ dan il-mekkaniżmu ġew salvati madwar 25,000 impieg.

Stqarr dan il-Ministru fl-Uffiċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar ħidmet id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg matul l-2020. Il-Ministru Abela semma kif fil-preżent, madwar 200 kumpanija għad għandhom dan il-permess jiġi mġedded.

Il-ministru qal li waqt il-pandemija d-dipartiment kellu żieda sostanzjali ta’ mistoqsijiet kemm mingħand il-ħaddiema kif ukoll mingħand min iħaddem. Fuq il-linji 1575 u 1576, introdotti minħabba l-pandemija, d-dipartiment irċieva total ta’ 36,827 fuq il-linja maħsuba għall-ħaddiema u 6,632 fuq il-linja maħsuba għal min iħaddem.

Barra min hekk, din is-sena, uffiċjali fis-Sezzjoni tal-Customer Support wieġbu total ta’ 14,892 e-mail. Dawn jikkonċernaw mistoqsijiet li fihom il-klijenti talbu xi tip ta’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’xenarji differenti.

Din is-sena d-dipartiment kompla għaddej b’ħidmietu sabiex jinforza l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif stabbiliti bil-liġi, b’mod partikolari matul dan iz-żmien ta’ pandemija, billi jassisti impjegati f’każijiet bħal meta ma jingħatawx il-paga; bonuses statutorji u benefiċċji skond ir-regolazzjonijiet applikabbli; nuqqas ta’ payslips u kuntratti ta’ xogħol; kwistjonijiet relatati mal-liv; u kwistjonijiet relatati ma’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess natura, fost oħrajn. Fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-14 ta’ Diċembru 2020, id-dipartiment investiga total ta’ 882 każ.

Id-dipartiment kompla jipprovdi pjattaforma għal tilwim industrijali bejn il-prinċipal u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom fejn matul din is-sena d-dipartiment sejjaħ għal 65 laqgħa konċiljatorja, li minnhom madwar 88% ġew riżolti u allura ma ġewx eskalati f’direttivi jew azzjonijet industrijali. F’dan l-aspett ta’ relazzjoni industrijali, id-dipartiment ikkordina wkoll 40 eżerċizzju ta’ verifika sabiex jiġi determinat unjin għandhiex maġġoranza ta’ rappreżentanza fuq post tax-xogħol.

Fis-26 ta’ Ġunju 2020 ġew ippubblikati emendi għall-Ordni ta’ Standard Nazzjonali dwar il-liv ta’ Prokreazzjoni Medikament Assistita. Dawn l-emendi jieħdu f’konsiderazzjoni l-fatt li l-identità tal-ġeneru ta’ persuna tista’ tkun differenti mill-karatteristiċi tagħhom. Fl-istess jum kienu ppubblikati wkoll emendi għar-Regolamenti dwar Impjegati Stazzjonati f’Malta. Dawn l-emendi jittrasponu provedimenti ta’ Direttiva tal-UE. It-tema prinċipali ta’ din l-emenda hi li l-kundizzjonijiet tal-impjieg, li ser jiġu applikati għall-impjegati stazzjonati f’Malta, ġew estiżi sabiex jinkludu remunerazzjoni u ukoll sabiex allowances speċifiċi għall-istazzjonament jitqiesu bħala parti mir-remunerazzjoni.

Matul din is-sena quddiem it-Tribunal Industrijali tressqu 110 każ ġdid li jvarjaw minn allegat tkeċċija inġusta, allegata diskriminazzjoni, u allegat fastidju, fost oħrajn. Fl-istess perjodu it-Tribunal iddeċieda 49 każ. Sas-17 ta’ Dicembru 2020 it-Tribunal kellu 311 il-każ pendenti quddiemu.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li l-ħidma matul din is-sena turi kif id-dipartiment kien wieħed proattiv li laqa’ għall-isfidi bla preċedent tal-pandemija billi offra soluzzjonijiet u miżuri li għenu biex mijiet ta’ kumpaniji setgħu iżommu l-ħaddiema tagħhom.

“Dan kien kruċjali għaliex minbarra li żammejna eluf u eluf ta’ ħaddiema f’impjieg, in-negozji setgħu jżommu lill-ħaddiema fuq il-kotba tagħhom, ħaġa li se tkun imprezzabbli fix-xhur li ġejjin. Dan għaliex malli l-ekonomija tibda tqum fuq saqajha bis-saħħa tal-vaċċin u tiżdied id-domanda domestika, dawn in-negozji mhux se jkollhom għalfejn jgħaddu minn proċess ta’ ngaġġar ta’ ħaddiema ġodda. Dan jawgura tajjeb sabiex flimkien mal-ekonomija tal-pajjiż in-negozju jerġgħu jaqbdu t-triq tas-suċċess li tant konna drajna fis-snin li għaddew.”

Share With: