40 sena minn meta l-UNESCO ddikjarat lill-Ġgantija bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji

Heritage Malta din is-sena qed tiċċelebra l-40 anniversarju minn meta l-UNESCO ddikjarat lit-Tempji tal-Ġgantija bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji fl-1980. F’dik is-sena, l-istess rikonoxximent kien ingħata wkoll lill-Belt Valletta u lill-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni.  

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li dan l-anniversarju mhuwiex importanti biss għar-rikonoxximent prestiġjuż mogħti lill-Ġgantija fih innifsu, iżda aktar u aktar għat-tifsira kbira li hemm warajh. “It-titlu ‘Sit ta’ Patrimonju Dinji’ għandu sinjifikat kbir għax permezz tiegħu l-UNESCO tiddikjara li s-sit huwa ta’ importanza straordinarja u unika għall-umanità, u għalhekk jinħtieġ li jiġi ppreservat,” qal is-Sur Zammit. 

Fil-każ tal-Ġgantija, il-UNESCO hija tal-fehma li dan is-sit jirrappreżenta pass kbir fl-istorja tal-umanità, jiġifieri l-ħila li l-bniedem joħloq kunċett ta’ arkitettura monumentali li ma hemmx bħalha fid-dinja, mhux biss fl-istil iżda wkoll f’termini ta’ sengħa. It-Tempji tal-Ġgantija – flimkien mat-Tempji ta’ Ħaġar Qim, l-Imnajdra, Skorba u Ta’ Ħaġrat li  fl-1992 tniżżlu wkoll fil-lista ta’ Siti ta’ Patrimonju Dinji – jitqiesu bħala li permezz tagħhom l-umanità rnexxielha titla’ skaluna ewlenija fit-taraġ tal-progress.

It-titlu ‘Sit ta’ Patrimonju Dinji’ ma jġorrx biss prestiġju iżda wkoll id-dmir li jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin biex jiġu salvagwardjati l-integrità u l-awtentiċità tas-sit. B’hekk Heritage Malta hija impenjata biex tieħu miżuri li jassiguraw il-ħarsien ta’ dawn is-siti uniċi. 

Għat-tempji megalitiċi, fosthom il-Ġgantija, dan jinkludi pjan ta’ konservazzjoni li jirrikjedi interventi varji fuq diversi partijiet tas-sit mill-konservaturi tal-ġebla fi ħdan Heritage Malta. Barra minn hekk, bħala parti minn pjan bil-għan li jwassal għall-konsolidazzjoni ta’ parti mill-faċċata tat-Tempji tal-Ġgantija, il-UNESCO ffinanzjat ix-xiri ta’ strumenti li jiġbru data relatata ma’ movimenti ta’ dawn l-istess ħitan. Din l-informazzjoni se tinforma d-deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-fażijiet sussegwenti ta’ dan il-proġett.  

Share With: