Abela jrid li l-inkjesta tintemm ġimgħa oħra

Il-Prim Ministru Robert Abela huwa tal-fehma li l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandha tintemm sal-ġimgħa d-dieħla.

Kien fl-20 ta’ Settembru 2019 meta l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritus Michael Mallia biex imexxi l-inkjesta flimkien mal-Professur Ian Refalo u Dr Anthony Abela Medici.

Madankollu l-familja Caruana Galizia oġġezzjonat għall-mod kif kien iffurmat il-bord u fil-15 ta’ Novembru tal-istess sena l-Gvern bidel lil Refalo u Abela Medici mal-Imħallef Emerits Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

Il-Gvern kien ta disa’ xhur lill-bord biex ilesti l-inkjesta imma l-membri tiegħu talbu estensjoni bil-Prim Ministru jaċċetta u jagħtiha sal-15 ta’ Diċembru biex tlestiha.

Waqt li kien qed jinawgura t-tieni fażi tal-padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali l-Prim Ministru kien mistoqsi jekk se jerġax jestendi l-perjodu li fiha għandha titlesta l-inkjesta b’Abela jesprim l-konvinzjoni tiegħu li l-bord ilesti l-konklużjonijiet tiegħu sad-data estiża.

Il-bord ingħata l-inkarigu speċifiku li jiddetermina jekk xi entità tal-Istat iffaċilitatx il-qtil jew kinietx taf bir-riskju li kienet qed tiffaċċja Caruana Galizia, li jistabilixxi jekk il-pajjiż għandux fis-seħħ liġi kriminali effettiva u jekk ħax miżuri biex jipproteġi lill-ġurnalisti.

Fost dawk li xehdu fiha kien hemm Joseph Muscat innifsu li f’dikjarazzjoni li għamel qabel beda jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-membri tal-bord qajjem dubji dwar id-direzzjoni li ħadet l-inkjesta. 

Fuq Facebook il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield irrimarka kif “tnejn minn tliet imħallfin ma kellhomx qatt jaċċettaw l-inkarigu li ngħataw minħabba dak li jista’ jidher jew jista’ jkun kunflitt ta’ interess”.

Bosta segwaċi tal-Partit Laburista qed iqisuha bħala inkjesta li iktar milli b’rabta mad-delitt qed tifli l-operat tal-Gvern u tal-partit matul l-aħħar snin.

Mill-banda l-oħra l-familja Caruana Galizia u dawk favur il-PN iridu li l-inkjesta ddum kemm ikun meħtieġ skont l-istess membri tal-bord.

Share With: