ADPD: “Iz-zoos mhux meħtieġa”; Jiddeskrivu z-zoos bħala “proġetti ta’ vanità u simboli tal-istatus ġodda għal xi nies”

L-Avviż Legali dwar iż-Żamma ta’ Annimali Slavaġġ fiż-Zoos ma jsaħħaħx ir-rwol taz-zoos fil-konservazzjoni tal-bijodiversità, u lanqas ma jipproteġu s-saħħa u l-benesseri ta’ annimali slavaġġ. Hekk qal l-ADPD, bid-Deputat Ċerpersin Mark Zerafa jgħid li z-zoos mhux meħtieġa u r-regolamenti proposti jitilqu mill-punt li huwa aċċettabbli li jinżammu annimali slavaġ fiz-zoos, partikolarment annimali bħal iljuni, tigri u annimali oħrajn.

Huwa qal li “l-abitat naturali ta’ dawn l-annimali ma jista’ bl-ebda mod jiġi replikat f’Malta. Huwa ċar għal dawk li jridu jifmhu li l-hekk imsejħa zoos f’Malta, huma biss proġetti ta’ vanità u simboli tal-istatus ġodda għal xi nies.” 

Tenna li għaldaqstant l-għan tal-Gvern għandu jkun li dawn il-“kollezzjonijiet privati ta’ annimali slavaġ” jingħalqu gradwalment u mhux jiġu inkoraġġiti permezz ta’ regolamenti li jindikaw li qed jiġu aċċettati.

“L-ebda trobbija ta’ annimali slavaġġ m’għandha tkun permessa għal kollezzjonijiet privati, aktar u aktar meta dawn il-kollezzjonijiet huma ħafna drabi skużi biex tinbena aktar art agrikola, u biex din l-art tinbidel fi spazji kummerċjali bl-attrazzjoni addizzjonali ta’ annimali slavaġġ fil-gaġeġ,” huwa żied jgħid.

Fl-istess waqt li kwalunkwe permess għal zoos għandu jingħata biss jekk dawn l-istrutturi jkunu ta’ benefiċċju għall-ispeċi partikolari. Id-Deputat Ċerpersin ta-ADPD żied jemfasizza li liċenzji għandhom jingħataw biss lil istituzzjonijiet ta’ riċerka li l-għan tagħhom ikun li jsalvaw speċi fil-periklu tal-estinzjoni, u li jrabbu speċi għall-eventwali ritorn tagħhom fl-abitati naturali tagħhom, jew inkella lil stutturi ta’ rijabilitazzjoni jew li joffru santwarju għal annimali li ma jistgħux, minħabba l-istat ta’ saħħithom, jiġu ritornati fis-selvaġġ.

Żied jgħid li z-“zoos f’Malta huma sempliċiment intrapriżi kummerċjali, jew proġetti ta’ vanità personali li fihom il-benesseri tal-annimali huwa ta’ importanza sekondarja. Huwa krudili li annimali per eżempju tas-savana jispiċċaw f’ambjenti artifiċjali. Huwa magħruf li annimali bħal dawn juru sintomi ta’ stress u frustrazzjoni msejjaħ ‘zoochosis’. Anke l-hekk imsejjaħ ‘petting’ ta’ dawn l-annimali jiggrava t-tbatija ta’ dawn l-annimali.”

Share With: