AĠĠORNAT: Minn għada jitwaqqfu t-titjiriet kolla minn u lejn ir-Renju Unit

Persuni residenti f’Malta, li jinsabu fir-Renju Unit preżentament, se jingħataw l-opportunità li jirritornaw lura Malta, u se jkunu suġġetti għal PCR test u għal kwarantina ta’ 14-il ġurnata

Minn għada, it-Tlieta se jkunu sospiżi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit. Dan qalu l-Ministeru għas-Saħħa fid-dawl tal-varjant il-ġdid tal-COVID-19 li nstab f’pazjenti f’dan il-pajjiż.

Il-Ministeru żied jgħid li minkejja s-sospensjoni tat-titjiriet, Maltin, u persuni residenti f’Malta, li jinsabu fir-Renju Unit preżentament, se jingħataw l-opportunità li jirritornaw lura Malta, madanakollu, se jkunu soġġetti għal PCR test mal-wasla tagħhom f’pajjiżna u għal kwarantina obbligatorja ta’ 14-il jum.

Il-Ministeru temm jisħaq li din id-deċiżjoni hija waħda temporanja anke għax l-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin qegħdin isegwu mill-qrib l-iżviluppi fir-Renju Unit filwaqt li qed jipparteċipaw f’diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea dwar din is-sitwazzjoni sabiex eventwalment anke jkun hemm pożizzjoni u direzzjoni mill-istess Unjoni.

Din id-deċiżjoni ssegwi dik li tħabbret kmieni dalgħodu li kienet tisħaq li sassiġġieri li se jkunu qed jaslu Malta mir-Renju Unit minn għada se jkollhom jibqgħu kwarantina għal 14-il ġurnata. Dan hekk kif qed jikber it-tħassib fir-rigward tat-tixrid ta’ varjant ġdid tal-Covid-19.

Intant kienu diversi dawk il-pajjiżi li waqqfu kull vjaġġar ta’ persuni mir-Renju Unit, fosthom l-Olanda, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju, l-Awstrija, l-Irlanda u r-Rumanija.

Share With: