Aktar minn 800 SME se jibbenefikaw minn self aktar aċċessibbli u vantaġġjuż

“Is-suċċess tan-negozji tagħna jfisser ukoll suċċess għall-ħaddiema, għaż-żgħażagħ u fuq  kollox, għall-familji tagħna

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi wara li hu ffirma l ftehim flimkien mal-European Investment Bank u European Investment Fund biex jiġu allokati aktar  fondi għal ‘SME Initiative’, li se tipprovdi aktar għajnuna lill-intrapriżi żgħar u medji fil-forma ta’  self.  

L-SMEi tikkonsisti f’instrument finanzjarju ffinanzjat b’fondi Ewropej, biex iservi bħala garanzija li  tippermetti lill-banek jieħdu riskju akbar u li tagħti l-possibbiltà ta’ self lill-SMEs bi tnaqqis fir rekwiżiti ta’ kollateral, u b’rati ta’ imgħax aktar baxxi.  

Is-Segretarju Zrinzo Azzopardi qal li: “permezz ta’ żieda fl-allokazzjoni ta’ fondi għall-Istrument  Finanzjarju tal-SMEi, aħna qed nibnu fuq l-impenn tal-gvern li jrid ikun ta’ appoġġ għan-negozji  tagħna. Meta tikkunsidra ċ-ċirkostanzi attwali, l-Gvern Malti għamel ħafna biex jiżgura li jkun hemm  appoġġ kontinwu għall-intrapriżi sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq l-SMEs Maltin.” 

Huwa għal din ir-raġuni li ttieħdet deċiżjoni biex iżżid l-allokazzjoni għal dan l-instrument b’ €7  miljuni oħra sabiex tagħmel disponibbli madwar €29 miljun addizzjonali f’ self li se jkun faċilment  aċċessibbli b’ kundizzjonijiet vantaġġjużi sa tmiem din is-sena. Din iż-żieda mal-allokazzjoni  oriġinali tal-SMEi tirriżulta f’portafoll ta’ self totali li jammonta għal €118 miljun, li jista’ jintuża  wkoll bħala eżenzjoni mill-kapital tax-xogħol. 

Hu temm jgħid li “Dan iservi bħala opportunita għan-negozji tagħna biex jinvestu u jikbru anki matul  dan iż-żmien, sabiex meta nibdew nirkupraw wara COVID-19, l-intrapriżi tagħna jkunu jistgħu  jkomplu minn fejn ħallew u joħorġu aktar b’saħħithom.”

Share With: