Aktar regolamentazzjoni għal servizz aħjar

L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali nediet gruppi konsultattivi  sabiex iservu ta’ vuċi għal dawk li jkunu qegħdin jingħataw xi servizz, billi jinvolvu lilhom direttament fuq il-pjattaformi ta’ kollaborazzjoni.

Il-konsultazzjoni se ssir mal-persuni li jkunu għamlu użu mis-servizz, bil-għan li tinħoloq stampa ċara  ta x’inhuma d-diffikultajiet kif ukoll it-triq ‘il quddiem għas-servizzi msemmija.

Bħala gruppi, dawn se jkunu qegħdin jinqasmu biex jolqtu s-setturi kollha li tirregola l-awtorità,  ewlenin fosthom hemm is-setturi: tal-anzjani; tal-persuni b’diżabilità; tat-tfal u ż-żgħażagħ; u dawk għal servizzi oħra għal persuni bi problemi ta’ abbuż tas-sustanzi u dipendenzi oħra, servizzi fil-komunità, u servizzi għal individwi li esperjenzaw vjolenza domestika.

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li l-klijent għandu jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull servizz, u għalhekk enfasiżża l-bżonn ta’ regolamentazzjoni sabiex ikun hemm direzzjoni ċara għal dawk li jipprovdu s-servizzi.

L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, minbarra li tifhem il-bżonnijiet tas-servizzi offruti bl-ispezzjonijiet li jsiru kuljum u bil-pjattaformi kollaborattivi ma’ min jipprovdi s-servizz, issa ħasset il-bżonn li tinvolvi lil min jirċievi s-servizz u l-qraba tagħhom sabiex tkun ċerta li qed tassigura servizz tal-ogħla kwalità kif mistenni. B’hekk, l-awtorità ser tibqa’ tisma’, tiddjaloga, u twettaq fl-aħjar interess tal-persuni vulnerabbli.

Share With: