“Ara ċ-Ċali!”…. issa fil- Presepju Naplitan

Minn VictorVella, Ritratti Roger Azzopardi

Ħafna dilettanti tal-presepju fl-aħħar xhur kienu f’dilemma. X’se jagħmlu se jibdew ix-xogħol u jarmaw biex sal-bidu ta’ Diċembru jkunu lestew il-presepju ġdid tagħhom biex jesebuh? Kienet domanda li ħafna għamluha matul ix-xhur tas-sajf u l-bidu ta’ Settembru meta jibdew ix-xogħol fuq il-presepju. Ħafna qatgħu qalbhom, l-aktar hekk kif bdew jiżdiedu l-każi.  Postijiet li bħal lum kienu jkunu mimlijin ħajja bi presepju għal wiri llum huma magħuqa. “Nara l-kamra li fiha nara u jaqbadni l-biki”, qalilna wieħed mill-presepjisti li tkellimna miegħu. Mhux kulħadd imma mexa fuq dan ir-raġunar. Fr Edgar Vella, magħruf għall-imħabba tiegħu lejn il-presepju, il-pandemija tal-Covid19, ma waqfitux milli jarma l-presepju spettakolari u movimentat tiegħu. Il-presepju Naplitan, li wieħed jista’ jarah fil-Katidral tal-Imdina. Fi kliemu stess, ‘ma nemminx u ma naqbilx li l-pandemija għandha ttellef l-ispirtu tal-MIlied.” B’daħka fuq fommu qalilna li kien hemm min issuġġerixxa li nagħmel il-pasturi bil-maskri, imma inħoss li b’dak il-mod tkun qed titlef mill-karattru tiegħu.

Biden, Maradona… u f’Malta daħħalna lil “Ċali”

IT-TORĊA iltaqgħet ma’ Fr Edgar Vella waqt li kien għaddej proċess biex jintrama l-presepju bil-pasturi b’kostumi tal-epoka Burbonika jitpoġġew fil-post tagħhom. Staqsejnieh kif f’Napli, din is-sena qegħdin idaħħlu l-Diego Maradona fil-presepju. L-artiġjan magħruf Naplitan Genny Di Virgilio, daħħal ukol lil Joe Biden, il-President il-ġdid tal-Istati Uniti fil-presepju Naplitan.  Staqsejnieh ikkunsidrax din is-sena idaħħal xi karattru ġdid.

Fr Edgar jgħidilna li “din hi xi ħaġa li ssir fil-presepju Naplitan. Jiddaħħlu karattri partikolari. Dawn jiddaħħlu għal sena waħda. Jien kont daħħal lill-President George Abela u anke lil San Ġorġ Preca”. 

Indur lejh u nistaqsih “imma ma kkunsidrajtx li ddaħħal lil Diego Maradona. Marbut ma’ Napli dak?”.

Iħares lejja u jgħidi, “tgħid ngħidlek?”. Jieqaf għal ftit ħin. “Għandi karattru ġdid din is-sena. Tgħid ngħidlek min hu?”.

Indur lejh, u nħares lejn il-presepju. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn ma rajt ebda karattru li matul is-sena għamel impatt. “Fr mhux tgħidilna min hu?”.

Rani nħares lejn il-presepju u qalli “għadni ma armajtux. Se nħallih naqra sorpriża”. Wara ftit iħares lejn il-presepju, qalli ‘ara ħa ngħidlek min hu…imma wegħdni li ma toħroġx qabel nhar il-Ġimgħa għax il-presepju dakinhar se jinfetaħ u lanqas dan il-persunaġġ għadu ma jaf”.

‘Għamilt lil Ċali”, qalli waqt li dar lejja.

Dan il-kliem ma fhimtux mill-ewwel. “X’Ċali hu?’

Kien hawn li spjegalna li kien iddeċieda li jdaħħal lil Arċisqof Mons Charles Scicluna, biex għal din is-sena ikun partit mill-presepju Naplitan.

Ma stajtx ma nistaqsiehx fejn hu qiegħed u hu qalli “għadu fil-kaxxa. Għandi ma ħriġtux”.  

“Issa la qegħdin hawn, oħorġu ħa narawh u niġbdulu ritratt hux”, kien dak li segwa wara hekk kif għajjat lil fotografu biex jersaq lejn fejn kien hemm il-kaxxi, peress li mehdi jiġbed l-uċuħ tal-pasturi.

‘Hawn hu Ċali”, għajjat Fr Edgar Vella, waqt li ħareġ il-pastur ta’ Mons Arċisqof. 

L-għajta tiegħu ġibdet l-attenzjoni tal-ħaddiema preżenti, fejn wieħed minnhom instema’ jgħid “ara Ċali tagħha fejn hu”.

Nemmen li l-ispirtu tal-Milied ma kellux jiġi mtappan…ma naqbilx li jkollhom il-maskri

Lil Fr Edgar staqsejnieh x’wasslu biex anke din is-sena meta ninsabu għaddejjin minn pandemija ħass li xorta waħda kellu jarma dan il-presepju Naplitan.

“Ħassejt li l-ispirtu tal-Milied ma’ kellux jiġi mtappan. Minkejja li hu żmien diffiċli għad-dinja, ħassejt li l-ispirtu tal-Milied għandu xorta waħda jiġi ċċelebrat.”

Meta tistaqsieh dwar kif f’Napli kien hemm min iddeċieda li jlibbes il-maskri lill-pasturi, apparti lil Bambin, lil Madonna u lil San Ġużepp. Din hi xi ħaġa li saret għax tirrifletti realtà li għaddejja minnha is-soċjetà u l-presepju Naplitan hu magħruf li jirrappreżenta ukoll dak li jkun għaddej fis-soċjetà tagħna. 

Fr Edgar dwar dan jitkellem bla tlaqlieq u jenfasizza li hu jemmen li ma kellux jagħmel hekk għax inkella jintilef l-iskop artistiku tal-istess pasturi. 

In-Naplitani….qabdu x-xena tan-Natività u poġġewha fil-qalba ta’ belthom

Fr Edgar ma jonqsux li jispjega dettal dettal li fih dan il-presepju flimkien mal-istorja tal-presepju Naplitan. “Kull pastur li qed tara għandu l-post tiegħu. Ma tistax taqbdu u tpoġġiex x’imkien jidhirlek int, għax taħseb li hemm ikun isbaħ. Kull pastur għandu postu. Is-sajjieda fejn il-funtana Barokka posthom per eżempju. Għaliex? Għax is-sajjieda f’Napli meta jidħlu bil-qabda mill-golf ta’ Napli, kienu jmorru jaħslu l-ħut ġo funtana. L-istess dawk li jġorru l-ġarar”.

“Ir-rgħajja? Dawk posthom fil-wied.  Il-karattri li qed jixorbu u jixxalaw issibhom fit-taverna. Anki l-pont għandu is-sinifikat tiegħu. Ħares lejn il-blat fit-tarf, tarah blu qisu bis-silġ u mbagħad tgħaddi minn fuq il-pont u tersaq lejn ix-xena prinċipali.  Il-passaġġ mid-dlam għad-dawl” jisħaq Fr Edgar Vella.

Isemmi ix-xena tan-natività u jgħidilna li “din issibha fil-fdalijiet ta’ tempju pagan. Din tissimbolizza l-era ġdida Kristjana. Ix-xena tan-natività hi karatterizzata minn ammont kbir u spettakoli ta’ anġli. Tħares imbagħad lejn is-slaten maġi. Issibhom lebsin ilbies mill-aktar fin. Ma ssibhomx waħidhom bħal fi presepji oħra. Fil-presepju Naplitan issibhom akkumpanjati mnill-iskjavi, paġġi u l-mużiċisti. Dan għax meta dawn kienu jivvjaġġaw jew iżuru lil xi ħadd, kien jagħmlu dan bl-entourage kollu tagħhom.”

“U dak l-anġlu żgħir, qed jinġarr minn anġlu kbir, qed tarah?, jgħidli Fr Edgar. Ngħidlu li le u jgħidli ‘hemm ara fin-nofs. Taf x’juri dak?”.

“Dak juri it-trabi li kienu jmutu. Dak iż-żmien kulħadd kien ikollu xi tarbija li tmur. Kienu jemmnu li dawk issiru anġli. U hemm qed tara dik it-tarbija, li hi anġlu żgħir, qed tinġarr min anġlu kbir. Dik it-tarbija tirrappreżenta lil aħħar tarbija li għadha kif mietet”, jgħidilna Fr Edgar. 

Jitkellem fuq it-taverna. Hemm tara xejna aġitata.  Nies ferħanin. Ikantaw. Jilgħabu l-karti. Jiżfnu. Din tirrappreżenta lil-lukandiera f’Betlem fl-ewwel Milied,  fejn dawn ma kinux taw kenn lil Marija u l-Ġużeppi. Il-karattri fit-taverna jissimbolizzaw il-materjaliżmu. Jissimbolizzaw lil dawk li  jinjoraw il-veru tifsira tal-Milied. Hu propju għalhekk li dawn issibhom qed jagħtu darhom lix-xena prinċipali tan-natività.

Ambjentat binhar u mhux bil-lejl…..

Fil-presepju Naplitan issib li x-xena hi dejjem matul il-ġurnata. Dan ukoll hu bi skop. Tirrappreżenta lil Kristu bħala id-dawl tad-dinja – Christos Helios.

Ovvjament meta tkun tħares lejn dan il-presepju, tajjeb li tifli kull dettal. Minkejja li għaddew snin  kbar minn fuq il-presepju Naplitan, dan xorta waħda jibqa attwali. Fih ser tara lil dawk li matul is-sena jippruvaw jagħmlu kull tip ta’ ħażen. Kif jgħid il-Malti dawn ikunu lpup lebsin ta’ nagħaġ, l-istess kif ix-xitan isibu parti mit-taverna.

J’alla min iżur il-presepju Naplitan waqt li jammiraw l-karattri, l-ispettaklu u l-moviment, jirrifletti ukoll fuq fejn qiegħda ħajtu. X’inhuma l-valuri li qed iħaddan?  Jekk l-aġir tiegħu, hux ma’ dawk tal-innoċenti jew inkella ma’ dawk tat-taverna. Hi ħasra li forsi kif ġralhom dawk tat-taverna fil-presepju Naplitan, fis-soċjetà għandna ħafna li jibqgħu jagħtu darhom lid-Dawl. Għandna ħafna li jgħidulna li jemmnu fid-dawl imma fir-realtà issibhom bħal dawk tat-taverna.  

Share With: