ARA: “Fadlilna ftit żmien ieħor ta’ sagrifiċċju … Se noħorġu b’saħħitna aktar minn qatt qabel”

F’messaġġ b’saħħtu ta’ kuraġġ u tama għas-sena l-ġdida 2021, il-Prim Ministru Robert Abela beda biex jirringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li f’dan iż-żmien tal-pandemija komplew joħorġu l-kwalitajiet sbieħ tan-nazzjon.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-gvern kien wieħed deċiżiv u li kien kapaċi jagħżel filwaqt li jilħaq bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa tal-poplu. Fakkar dwar l-ewwel jiem tiegħu li ġabu magħhom sfidi kbar, iżda li bħalma wiegħed, kien hemm u se jibqa’ jkun hemm għal dawk l-aktar li jkunu fil-bżonn. Qal li xhieda ta’ dan huma l-pakketti finanzjarji li nħarġu f’perjodu li ħaddieħor seta’ jagħżel li jissikka ċ-ċintorin u jitfa’ l-piż fuq il-poplu.

Abela qal li l-poplu wieġeb b’fiduċja u serħan il-moħħ għal dawn id-deċiżjonijiet tant li nxtraw u nbiegħu b’valur rekord ta’ proprjetajiet. Il-ġenituri li bil-mod fehmu li dan il-gvern kien jaf x’inhu jagħmel meta investa €30 miljun iżjed għall-ftuħ tal-iskejjel biex ikun salvat l-iżvilupp akkademiku ta’ ġenerazzjoni.

Abela rrefera għall-bidu tat-tilqim u qal li hekk kif ilna diġà ħamest ijiem li bdejna dan il-proċess li se jgħinna mmorru lura għan-normalità jixtieq li sa Marzu nkunu rkuprajna sew u li sa Mejju nkunu “business as usual”.

Tkellem dwar il-baġit u qal li minkejja l-għafsa ekonomika, dan il-gvern mill-ġdid ħareġ deċiżiv u kompla jgħin lill-familji biż-żieda fiċ-Childrens allowance u fil-pensjonijiet.

Ma naqasx milli jitratta dwar il-viżjoni lejn is-sena l-ġdida li fiha se “naħarbu niġru ’l quddiem fit-tkattir tal-ġid”. Fost suġġetti varji tkellem dwar l-importanza tal-ħarsien tal-ambjent, il-viżjoni li pajjiżna jkun carbon neutral sal-2050, proġetti ta’ housing soċjali affordabbli u aktar ġid fil-gżira Għawdxija.

Filwaqt li tratta wkoll bidliet kbar li saru fil-qasam tal-governanza tajba, saħaq li jrid jara aktar nisa f’pożizzjonijiet ewlenin ta’ tmexxija, inkluża żieda ta’ personalitajiet femminili fil-parlament Malti.

Huwa temm iħares lejn is-sena l-ġdida b’pożittiviżmu u b’ottimiżmu għax meta jħares lejn dak li ksibna flimkien f’dawn l-aħħar xhur jimtela b’kuraġġ li daqt nixħtu l-pandemija fil-kotba tal-istorja u noħorġu minn din il-pandemija b’saħħitna aktar minn qatt qabel.

Share With: