ARA: Is-sena ddominata mill-pandemija tal-Covid-19 f’ritratti

RITRATTI: ALAN SALIBA/ROGER AZZOPARDI

Ninsabu fit-tmiem tas-sena 2020, sena li kienet iddominata mill-pandemija tal-Covid-19. Matul din is-sena kelna naddattaw ruħna għal mod ġdid ta’ kif ngħixu hekk kif b’sens ta’ responsabbiltà kellna nsegwu numru ta’ miżuri ta’ prevenzjoni mħabbra mill-awtoritajiet tas-saħħa fosthom l-ilbies tal-maskri, id-distanza soċjali u l-iġjene tal-idejn. Dan hekk kif pajjiżna, bħall-bqija tad-dinja, kien qed jaffaċċja għadu inviżibbli. 

B’rabta ma’ dan għal xi żmien kellhom jingħalqu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi kollha f’Malta u Għawdex. Ma’ dawn fost l-oħrajn ingħalqu wkoll ir-ristoranti, swali taċ-ċinema, gyms u każini. Għal xi żmien ftit li xejn kont tara nies barra u t-toroq tista’ tgħid li kienu kważi battala hekk kif anke fuq il-postijiet tax-xogħol kien hemm l-appell biex kemm jista’ jkun wieħed jaħdem mid-dar. 

Dan il-virus sfortunatament sa issa ħalla total ta’ 216-il vittma. Kien fit-8 ta’ April meta tħabbret l-ewwel persuna li mietet waqt li kienet pożittiva li kienet mara Għawdxija ta’ 92 sena. L-ewwel każ tal-Covid-19 f’pajjiżna ġie rreġistrat fis-7 ta’ Marzu u t-total ta’ każijiet li kelna s’issa kien ta’ 12,665.

Fortunatament is-sena għalqet b’aħbar pożittiva hekk kif l-ewwel tilqima fl-Ewropa kontra l-Covid-19 ġiet approvata u b’hekk pajjiżna wkoll beda l-istrateġija tiegħu għat-tilqim tal-popolazzjoni. Fis-27 ta’ Diċembru, ġurnata wara li t-tilqima waslet f’Malta, tlaqqmet l-ewwel persuna f’Malta.

Share With: