ARA: “L-ewwel darba li qbadna din ir-rotta partikolari”

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti dwar il-qabda rekord ta’ droga fil-Port Ħieles

Miktub Minn CLAUDIO COLEIRO, Filmat ALAN SALIBA

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, Joseph Chetcuti, iddikjara ma’ dan il-ġurnal li r-rotta li ntużat fit-trasport ta’ 612-il kilo droga kokaina kienet l-ewwel waħda li fiha d-Dwana rnexxielha taqbad traffikar ta’ droga. 

Dik li qed tkun deskritta bħala l-akbar qabda ta’ droga, li l-valur tagħha jammonta għal €69 miljun, inqabdet mill-uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fil-Port Ħieles nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-merkanzija ħalliet l-Ekwador, għaddiet mill-Kolumbja u kienet interċettata f’pajjiżna, bid-destinazzjoni aħħarija kienet il-Libja. Id-droga kienet moħbija f’pallets li fuqhom kien qed jiġi trasportat żejt tal-ikel. 

Is-Sur Chetcuti spjega ma’ inewsmalta li l-linja ta’ trasport bil-baħar li ġarret il-kontejner hija l-unika waħda li taħdem f’din ir-rotta tramite Malta u kien għalhekk li d-droga nqabdet. 

Huwa sostna wkoll li kien hemm linji oħra li fir-rotta tagħhom kien hemm pajjiżna, iżda li llum m’għadhomx jużaw din ir-rotta. Qal li s-sena li għaddiet id-Dwana konsistentement kienet taqbad kontejners bid-droga, 16 b’kollox. 

“Ir-rata ta’ suċċess ta’ pajjiż fil-qbid tista’ tkun ukoll ta’ deterrent biex dik ir-rotta mbagħad tinbidel. Kif ġara jew seta’ ġara s-sena li għaddiet fir-rotta l-oħra fejn kellna rata ta’ suċċess qawwija hawn Malta, imbagħad ma baqgħetx tintuża dik ir-rotta,” tenna s-Sur Chetcuti.

Intant, fi żjara li għamel ilbieraħ fil-Port Ħieles, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-akbar qabda tad-droga kienet possibbli grazzi għat-tagħmir elettroniku li għandha d-Dwana.

“Il-mod ta’ kif id-droga kienet moħbija kien juri bl-aktar mod ċar illi kien hemm impenn minn min ipprova jittraffika d-droga għax kienet moħbija b’mod li jqarraq b’dak li jkun. 

“Li kieku ma kienx għat-taħriġ tal-ħaddiema tad-Dwana u għar-reqqa fil-mod ta’ kif wieħed jiflu, kieku din il-qabda ma kinitx issir. Għandna nkomplu bħala Ministeru ninvestu kemm fil-ħiliet tal-ħaddiema u fl-infrastruttura elettronika tad-Dwana sabiex nassiguraw aktar suċċess fil-ġejjieni,” tenna l-Ministru Caruana. 

Share With: