ASSIGURAZZJONI… IL-MINA… BREXIT

Miktub minn ALFRED SANT

F’laqgħa li kelli dan l-aħħar, qaluli kif wasal iż-żmien li jinstab mod ħalli l-persuni u l-impriżi jiġu assigurati kontra pandemija bħal din tal-corona virus. Ma jidhirx li teżisti polza ta’ assigurazzjoni bħalissa li tpoġġi lil dawk li qalgħu daqqa finanzjarja serja minħabba l-imxija f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu biha, jirkupraw parti talanqas mit-telf li jsofru.

Skont min qed jippromwoviha, din l-idea għandha l-appoġġ tal-konsumaturi fl-Ewropa, kif ukoll ta’ negozji u tal-istess industrija tal-assigurazzjoni. Imma biex titwettaq irid ikun hemm l-intervent u l-parteċipazzjoni tal-gvernijiet nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea.

Iqumu żewġ mistoqsijiet: Kemm hi kbira l-probabbiltà li tirrepeti ruħha l-ġrajja tal-corona virus? – hekk li tkun ħaġa xierqa li tinħoloq xi forma ta’ assigurazzjoni biex tilqagħlha.

U: Wara kollox, l-effetti tal-pandemija kemm huma differenti minn fenomeni oħra li ġraw jew jistgħu jiġru, biex joħolqu diżastri ma’ reġjuni mifruxa tad-dinja? – bħall-effetti tal-bidla fil-klima, sekwenzi ta’ terrimoti, splużjonijiet nukleari li jikkontaminaw żoni sħaħ? – u li ta spiss kienu jitlaqqmu bħala “atti ta’ Alla”…

IL-MINA

Il-mina għal Għawdex reġgħet issemmiet fl-aħbarijiet b’mod li juri li għandha warajha sostenn mhux żgħir. Fost l-aktar li timmilita favuriha hemm l-għaqda tal-negozji f’Għawdex – għaqda ħabrieka u innovattiva li dejjem ammirajt għall-ħidma tagħha.

Biss baqa’ jissorprendini l-impenn tagħha favur il-mina, aktar u aktar meta donnha – bħall-gvern fl-aħħar mill-aħħar – temmen li dal-proġett jista’ jitmexxa b’mod kummerċjali u jħalli profitt. 

Personalment niddubita kemm dil-ħaġa hi fattibbli anke jekk il-profitti jiġu kkalkolati biss fuq dħul kurrenti kontra spiża kurrenti bla ma jingħata kont tal-ispiża kapitali.

Forsi l-publikazzjoni tiegħu qabżitli, imma sal-lum għadni ma rajtx studju serju fuq il-vijabilità finanzjarja tal-mina għal Għawdex.

IT-TMIEM TA’ BREXIT?

Jekk in-negozjati dwar kif se jitfasslu r-relazzjonijiet futuri tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jibqgħu mwaħħla sal-aħħar, ovvjament ikollu jidħol qtugħ fl-oqsma kollha konċernati – fosthom uħud li huma kruċjali għall-ħajja ekonomika u soċjali taż-żewġ naħat.

Ħadd ma jixtieq li l-qtugħ iseħħ imma sal-aħħar, il-pożizzjonijiet iebsa – għalkemm inħallu – baqgħu wisq iebsa.

Beda jintqal li għandha tinżamm il-possibbiltà li jitwal iż-żmien li fih seta’ jintlaħaq ftehim… għalkemm il-Prim Ministru Brittaniku mill-bidu kien qal li jrid deċiżjoni qabel tmiem is-sena. Forsi dil-pożizzjoni tinbidel issa li Donald Trump tilef l-elezzjoni presidenzjali Amerikana? 

Sadattant, fil-Parlament Ewropew donnha naqset il-ħerqa biex il-Parlament jwettaq skrutinju dettaljat li ċerti membri riedu jagħmlu tal-ftehim li jsir. Malli dan jintlaħaq, mhux se jibqa’ żmien għal xi dibattiti twal. Issa mid-dehra, hemm maġġoranza favur li ftehim jiġi approvat senz’altru.

Share With: