“Baqa’ jbus r-ritratti ta’ dakinhar sa mewtu” – Eileen Friggieri

Minn BRIAN GATT

Il-mewt tal-Professur Friggieri kienet telfa kbira għan-nazzjoni. Bla ma ngħatti wiċċi nazzarda ngħid li kienet ukoll telfa għad-dinja għax bit-traduzzjonijiet tal-kotba tiegħu żgur li se jibqa’ jidwi ma’ diversi partijiet. Iżda ċertament li minbarra dawn kollha li se jħossu n-nuqqas tiegħu, hemm “ħutu l-annimali” li hu kien iqishom bħala kollha “ulied Alla”. Għalih ma kinitx importanti s-sbuħija tal-annimal jew kemm jiswa. Kien jitma’ lil kulħadd, minn nemla sa baqra, li onestament għalkemm m’iniex ċert naħseb li hija l-akbar annimal li qatt ra mill-viċin il-Professur Friggieri.

Naħseb il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi żgur b’xi mod jew ieħor iltaqa’ ma’ xi kitba minn dawk “il-kelmtejn” li hu kiteb matul ħajtu. Jien kelli x-xorti u l-grazzja li nkun student tal-għażiż Oliver bejn 2013 u 2016 meta kont qed nistudja għall-Baċellerat tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Dwar dak iż-żmien ngħid biss li Oliver, minkejja li t-titli tiegħu bħal felħu jgħolluh fuq l-ogħla pedestall, li kien għalih hu kien joqgħod f’rokna mistoħbi lest biex joħroġ biss biex jgħin lil ħaddieħor. Nuża ismu mingħajr titli għax fil-ħafna djalogi li kellna kien jirrepetili li s-sur l-Imdina jew il-Belt kienu mhux f’dik id-daqsxejn ta’ kmajra li fiha konna nħobbu nintilfu fid-diskors. Iżda dwar dan ma nħossx li għandi nkompli nikteb illum għax jekk nibda ma niqafx żgur. Naqsam biss ħaġa waħda maħkom; minkejja li lil Oliver ilħaqtu biss fl-aħħar tal-karriera tiegħu, fih sibt spalla b’saħħitha daqs blata li mingħajru żgur ma kontx nasal fejn wasalt llum.

Illum nagħżel li nikteb dwar esperjenza u ritratti ta’ Oliver li nemmen li ftit jafu bihom. Li Oliver kien iħobb l-annimali kollha, anke dud li aħna xi kultant nistmeruh, li kien joħroġ ma sħabu l-letturi u l-ikel kien jieħdu miegħu f’kaxxa biex jitimgħu l-annimali issa naħseb kważi kulħadd jaf. Iżda dwar kif kien iġib ruħu meta jitwaħħad magħhom naħseb li huma l-ftit li jafu. 

Kien dejjem hemm biex jgħinna nitilgħu l-iskaluni 

Għall-ewwel li kont bdejt immur inżuru Oliver kien jagħtini diversi parir tajbin dwar il-ħajja, l-edukazzjoni u l-imħabba. Iżda meta d-diskors ġie fuq it-trobbija tiegħi mal-annimali sa minn età żgħira, impressjonanti kif b’ammirazzjoni Friggieri kien jistaqsini biex bil-kalma kollha joqgħod jismagħni u jiskopri affarijiet ġodda li fl-ebda librerija madwar id-dinja qatt ma kien sab jaqra dwarhom.

Aħna l-istudenti konna nħarsu lejn Oliver bħala xi ħaġa indeskrivibbli fejn titħol l-edukazzjoni. Kien għal ħafna l-iskaluna ta’ fuq li sakemm taqbad tiela’ s-sellum taqta’ qalbek u tieqaf tieħu daqsxejn nifs nofs triq filwaqt li tammira l-kapaċitajiet tiegħu. Iżda ma ninsa qatt kif kien jitkerraħ u jċaqlaq wiċċu meta konna ngħidulu li aħna konna nħarsu lejh hekk u minflok erħilu jdawwarli d-diskors b’xi ħaġa hekk “Għidli inti, tħossok kuntent qalb l-annimali li trabbu?” jew “Agħllimni ftit għax jien ma nafx”. Jien kont nieħu pjaċir nirrakkuntalu u jkolli nammetti li kont inħossni kburi li daqsxejn ta’ student bin ir-raħħala, kont kapaċi nitkellem dwar suġġett tant għal qalb bniedem bravu bħalma kien il-Professur Friggieri. Oliver kien jitpaxxa jisma’ dwar il-ħajja tar-raħħala li trabbejt fiha jien.

Kont nirrakkuntalu dwar l-annimali kollha li nrabbu iżda mill-ħarsa ta’ wiċċu mill-ewwel kont ninduna li l-aktar li kien jintilef kif ngħidlu dwar il-baqar. Minjaf, forsi minħabba li hi annimal kbir u forsi qatt ma kellu x-xorti jara l-baqar daqshekk mill-viċin. Kien jissaħħar meta kont ngħidlu li kienet welldet xi baqra u nurih xi ritratt. U minn hemm jaqleb għal numru ta’ mistoqsijiet dwar jekk kinitx tbati biex twelled, jekk ikollhiex aktar minn ferħ wieħed, jekk il-ferħ idumx biex isib saqajh u jissoda u ħafna mistoqsijiet oħrajn. Qabel nitlaq għal-lecture li kien ikun imiss dejjem kien jgħidli “taħqarhomx għax dawk iħobbuk”. 

Wara xi żjarat intella’ u nniżżel jekk kellhiex nistiednu biex jiġi jżurni fir-razzett, għamilt kuraġġ u minn bejn xufftejja li bħal donnhom kienu nfurrati bil-mistħija, ħarġet l-istedina. Wiċċu xegħel u ħatafni fil-kelma. Minkejja l-impenji tiegħu, iċċekkja ftit ma’ martu Eileen u kkonfermali għal tmiem il-ġimgħa. 

Kif ġebbed idejh biex imellishom inħasad … Bettina resqet tintroduċi ruħha

Waslet il-ġurnata tant mistennija, kemm għalija kif ukoll għal Oliver. Ftehmna li nistennihom is-Saqqajja u minn hemm saqu warajja. Oliver ta’ dakinhar kien bniedem ieħor. Kif niżel mill-karozza introduċa ruħu mat-tfajla tiegħi u ma’ ħija u martu li kienu għaddejjin bil-ħidma tagħhom. Deher iġebbed għonqu bħal tifel bla sabar biex jara jilmaħx xi baqra. Bħal ħafna oħrajn jiena kont konxju li Oliver kellu problema ta’ mobbiltá minħabba l-kundizzjoni tal-Parkinsons. Iżda saqajh l-Università u saqajh kif rifes fir-razzett bħal donnhom ma kinux l-istess. 

Bqajt impressjonat. Filli qegħdin nimxu bil-mod, jekk mhux nistennew ftit sakemm saqajh jagħtuh biex ikompli l-pass normali, u filli spiċċajt maġenb martu Eileen nħarsu lejn Oliver li kif lemaħ il-baqar bħal neża x-xjuħija u l-mard u telaq ilebbet lejhom. 

Kif wasal qrib il-mejjilla fejn jieklu bħal inħasad. Forsi għax ma kienx jaf kif se jaqbad iġib ruħu magħhom. Biex tgħaxxaq kif ġebbed idejh, dawn rawh ġdid, inħasdu u resqu lura. Iżda minn bejniethom feġġet Bettina, il-baqra favorita tiegħi li tant kont inħobb immelles u bla biża’ ta xejn bħal resqet biex tintroduċi ruħha. Għamel minuti sħaħ imelles fiha. Bettina ma kinitx speċjali biss għalija, issa kienet saret il-baqra favorita ta’ Oliver ukoll. Kien preparat u mdendla m’għonqu kien ħejja l-camera tar-ritratti, iżda jien spjegajtlu li jekk kien tajjeb għalih llum bil-mowbajl stajt noħodlu ritratti jien u jkunu għandu fi ftit minuti. Għamilli sinjal b’rasu u b’ċertu eċitament inxteħet jippoża maġenb Bettina. Ma damx ma ħa l-kunfidenza u beda jixxabbat biex iħoss rasha sew. 

Stedintu biex nkompli nurih l-annimali u bħal donnu konvint li konna se nerġgħu nsellmulha, mexa warajja lejn it-tiġieġ. Kemm feraħ kif rahom jiġru kuntenti fl-art. Oliver meta kont immur inżuru kien jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-media li turina biss annimali maħqurin f’gaġeġ u kien fis-seba’ sema jarahom hemm igerfxu u jitmegħku fl-art. U l-kuluri tagħhom għalih x’aktarx kienu bħal versi jirrimaw fil-poeżija u ma naqasx milli jgħaddi kumment dwar is-sbuħija tagħhom.

Imxejna lejn il-gallinar fejn kelli qroqqa bil-flieles u hawnhekk Oliver ħareġ il-karattru tipiku tiegħu. Riedni bilfors nikkonvinċi lil martu; li jien qatt ma kont iltqajt magħha qabel biex jieħu żewġt iflieles u jrabbihom fil-ġnien. Iddejjaqt niksru imma fl-istess waqt pruvajt nfakkru minn taħt l-ilsien li dawk la jikbru kienu se jsiru tiġieġ jew sriedak u li jirrikjedu ċertu ħin biex tnaddfilhom. 

Aħna u ħerġin ma setax ma jiqafx iġebbed idejh biex imelles id-debba l-bajda u jammiraha hi u ġejja biex tara jekk kellux xi ħaġa tgħodd għaliha. 

Ma ninsa qatt kif ħares lejn missieri, bħala xi ħadd kbir. Oliver kien kapaċi jammira d-dedikazzjoni ta’ missieri li b’ċertu ħila kien imexxi r-razzett u jżomm dawk l-annimali tant għal qalbu fl-aħjar kundizzjoni. Missieri kien tarraflu xi ħaġa li hu kien wasal fl-aħħar f’dan ix-xogħol minħabba li saħħtu bdiet tmajna u Friggieri kien feraħlu li matul is-snin f’dak ir-razzett kien sawwar identità speċjali ta’ mħabba lejn dawk l-annimali kollha li rabba matul is-snin.

Baqa’ jbus ir-ritratti ta’ dakinhar sakemm miet

Jien naf kemm kienet speċjali għalih din iż-żjara. Ftakart dwar episodju ikrah li Oliver kien qalli dwaru meta mar il-biċċerija u lemaħ il-bhejjem hemm ġew imbeżżgħin li skontu “bħal donnu jkunu jafu x’hemm lest għalihom u jibdew jogħtru bil-biża’.” Iżda fir-razzett kien sab in-naħa l-oħra tal-munita. 

Kellha tkun diskursata ma’ martu Eileen wara mewtu li skoprejt dwar kemm baqa’ jgħożż dik iż-żjara. Eileen spjegatli li Oliver baqa’ jbus ir-ritratti ta’ dakinhar sa ftit jiem qabel miet. U d-debba bajda fakkritu fl-ilbies ċar li kien iħobb jara lilha liebsa għax kien jiddejjaq meta kienet tilbes l-iswed. 

Ħafna qed jibku t-telfa ta’ Oliver. Jien nagħżel li nibqa’ niftakru f’dawn l-esperjenzi sbieħ. Nagħlaq b’xi ħaġa li għalija tikkonferma l-kobor tan-natura. Dakinhar li tħabbret il-mewt tal-Professur Friggieri, jien kont qiegħed nifraħ bil-wild ta’ Bettina. Il-baqra li x’aktarx biex issellimlu tal-aħħar għażlet li żżid is-sbuħija tagħha b’għoġol li min jaf kif kien jissaħħar iħares lejh l-maħbub Friggieri. 

Share With: