Bernard Grech jgħid li Rosianne Cutajar għandha terfa’ responsabbiltà politika dwar ir-rwol tagħha biex jintlaħaq ftehim għal bejgħ ta’ proprjetà lil Yorgen Fenech

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar għandha tirriżenja jew tkun imġiegħla tirriżenja wara l-allegazzjonijiet li ħarġu dwar l-involviment tagħha fir-rigward ta’ bejgħ ta’ proprjetà fl-Imdina lil Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat li kien l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech f’attività politika tal-Partit Nazzjonalista.

Grech tenna li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jitlob spjegazzjoni lil Cutajar u jġiegħelha terfa’ r-responsabbiltà politika. Grech insista li jekk Cutajar ma tirriżenjax minn jeddha, allura Abela għandu jneħħiha hu.

Grech irreaġixxa għar-rapport ippubblikat aktar kmieni llum minn The Sunday Times of Malta li allega li Cutajar irċeviet €46,500 għar-rwol tagħha biex jintlaħaq ftehim dwar il-bejgħ ta’ proprjetà fl-Imdina lil Fenech.

Ir-rapport jgħid li Fenech kien diġà magħruf li kien is-sid tal-kumpanija 17 Black meta kien iffirmat il-konvenju għall-bejgħ tal-proprjetà. Il-bejgħ tal-proprjetà eventwalment ma tkompliex wara li Fenech kien arrestat u ġie mixli b’kompliċità b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Share With: