COVID-19: Persuni b’allerġiji mwissijin wara li żewġ pazjenti spiċċaw ma jifilħux wara li tlaqqmu

Persuni b’reazzjonijiet allerġiċi serji qegħdin ikunu mwissija biex ma jieħdux it-tilqima l-ġdida kontra l-Covid-19 tal-Pfizer wara li żewġ persuni li ħaduha kellhom bżonn il-kura.

Iż-żewġ persuni, li l-identità tagħhom baqgħet mistura, jaħdmu fl-NHS u kienu fost l-ewwel nies fid-dinja li ngħataw din it-tilqima. L-aġenzija li tirregola l-prodotti tas-saħħa immedjatament ħarġet avviż ta’ prekawzjoni fejn wissiet biex kull min huwa allerġiku ħafna għal xi mediċini, ikel jew tilqim, ma jieħux din it-tilqima.

Il-Professur Stephen Powis, direttur tal-NHS fir-Renju Unit, ikkonferma li żewġ persuni li jbatu ħafna minn allerġiji, kellhom reazzjoni negattiva għat-tilqima iżda żied jgħid li issa jinsabu fi stat ta’ saħħa aħjar.

Huwa qal li l-avviż ħareġ għall-persuni li jbatu minn allerġiji qawwija u li dan dejjem jagħmluh anke f’każijiet ta’ tilqim ieħor. 

Kienet il-kap tal-aġenzija regolatorja, it-tabiba June Raine, li llum ħabbret dawn ir-reazzjonijiet għat-tilqima tal-Pfizer fil-kumitat parlamentari lokali.

Share With: