Daniż akkużat bi qtil kera karozza biex jaħrab

It-tielet persuna mressqa fil-Qorti dwar il-qtil doppju f’Tas-Sliema nqabad wara li kien hu li kera karozza ta’ Bolt biex twassal lilu u liż-żewġ akkużati l-oħra sad-dar ta’ wieħed minnhom.

Dan irriżulta mill-kawża li fiha d-Daniż Jesper Kristiansen jinsab mixli bil-qtil ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski.

It-tabib ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu ta’ 30 sena nstabu maqtula b’tiri ta’ arma tan-nar fid-dar fi Triq Locker fejn kienu jgħixu.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kien imiss lill-Ispettur Colin Sheldon li jixhed. Huwa investiga l-każ mas-Supretendent James Grech.

L-Ispettur Sheldon ta ħarsa dettaljata minn kif saru jafu bid-delitt fit-28 ta’ Awwissu għall-investigazzjoni fejn semma kif mill-filmati ta’ diversi CCTV cameras raw il-movimenti tat-tliet persuni li kienu fuq il-post tad-delitt.

Huwa spjega kif wara li ħarbu bil-karozza u ħallewha fl-Imsida Kristiansen ordna karozza bil-Bolt biex twassalhom sad-dar ta’ Victor Dragomanski, Maċedonu akkużat ukoll bl-istess delitt.

L-Ispettur Sheldon semma wkoll kif kien l-Albaniż Daniel Muka, l-ewwel li tressaq dwar il-każ, li kixef l-ismijiet taż-żewġ ko-akkużati l-oħra.

L-investigatur semma wkoll kif it-tfajla Ungeriża ta’ Kristiansen ikkonfermatilhom li huwa kien siefer minn Malta.

Id-Daniż telaq lejn Barcellona u kien arrestat Cadiz minn fejn inġieb wara li nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew.

Kristiansen, li qed iwieġeb mhux ħati tal-qtil, għandu jiddefendih lill-Avukat Stefano Filletti.

Share With: