Darren Debono mhux ħati li kiser regoli tas-sajd

L-eks-plejer internazzjonali Malti Darren Debono kien illiberat minn akkużi relatati ma’ ksur tar-regoli tas-sajd.

Debono, li qed jiffaċċja akkużi dwar kuntrabandu u ħasil ta’ flus, kien mixli li fil-11 ta’ Ġunju 2014, kif ukoll fix-xhur ta’ qabel, kien kompliċi mal-kaptan tal-bastiment “Marie de Lourdes II” f’imġieba illegali, li għenu biex jidħol fil-port mingħajr ma nforma lill-awtoritajiet, li għenu jdaħħal il-ħut mingħajr dokumentazzjoni preċiża u li daħħal pixxispad taħt id-daqs minimu.

Debono huwa wieħed mis-sidien tal-Maria de Lourdes Company Limited li hija proprjetarja tal-imsemmi bastiment li kellu permess tas-sajd speċjali għall-konz tal-pixxispad.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello irriżulta li wara sajda ta’ diversi ġranet fil-jum imsemmi l-bastiment daħal lura.

Waqt spezzjoni fuqu nstab 45 pixxispad b’piż totali ta’ 631 kilo meta kien dikjarat li l-qabda kienet ta’ 30 ħut b’piż ta’ 466 kilo, b’uħud minnu inqas mid-daqs minimu, u 24 tonn b’piż totali ta’ 2,205 kilo meta l-bastiment ma kienx liċenzjat biex jistad din il-ħuta.

Mil-provi li tressqu fil-każ ħareġ li Debono ma kienx fuq il-bastiment waqt is-sajd u li x’ħin il-kaptan infurmah li dieħel il-port staqsih x’ħut qabad u bagħat trakk biex iħott il-ħut.

Il-Maġistrat Montebello irrimarkat li dawn il-fatti b’ebda mod ma jagħmlu lil Debono ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u għalhekk illiberatu.

Il-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ Debono tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella li investiga l-każ.

Share With: