DIVORZJU… PRUDENZA… QUDDIEM IL-QRATI

Miktub minn ALFRED SANT

DIVORZJU

Hi ħaġa tajba li qed jingħata ħsieb dwar kif tista’ titjieb il-liġi tad-divorzju. Il-mod kif twieldet bħala liġi xejn ma kien normali hekk li uħud mill-miżuri li tikkontempla huma ftit strambi. Bilfors, la kellu jdaħħalha gvern li fil-prinċipju, ma kienx iridha.

Issa jidher li hemm kunsens politiku li d-divorzju hu stabbilit f’pajjiżna. Hemm il-ħsieb miż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti  li b’bidliet, il-liġi tista’ ssir taqdi aħjar il-bżonnijiet taċ-ċittadini. Dal-proċess ta’ titjib messu jitmexxa ’l quddiem mingħajr ma jitħalla jittappan minn naħa jew minn oħra b’kalkoli partiġġjani.

Żgur m’għandux iservi biex ikunu rxoxtati l-kontroversji ta’ meta ġiet varata l-proposta li jiddaħħal id-divorzju. U forsi jkun hemm ħtieġa wkoll li tingħata konsiderazzjoni għal kif l-istess liġi tad-divorzju tirrelata mal-liġijiet dwar l-unjoni ċivili u dwar żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. 

PRUDENZA

Bir-raġun, l-aħbarijiet dwar l-iżvilupp ta’ vaċċin għal kontra l-Covid-19 qanqlu sens ta’ ottimiżmu fost ħafna nies. Kien hemm bżonn…

Fl-istess ħin, rajna awtoritajiet sanitarji f’diversi pajjiżi jwissu biex in-nies ma titlaqx malajr malajr wisq bl-idea li kollox għadda. Għax għadna ninsabu fil-milja tat-tieni mewġa tal-pandemija. Sakemm il-vaċċin jasal, għad iridu jmutu ħafna nies, u mhux sew li b’nuqqas ta’ prudenza fl-ottimiżmu mqanqal, nagħmlu affarijiet li jwasslu biex imutu aktar.

Terġa’, jista’ jiġri li mhux il-vaċċini kollha jirriżultaw effettivi daqskemm jgħidu li huma. Nittama li ma jiġrix hekk, imma ma tistax tiskarta dil-possibiltà. It-twissija li m’għandniex nillaxkaw il-prekawzjonijiet wisq kmieni, tgħodd għal kulħadd.

Għamel tajjeb il-gvern li ħabbar kif wara li jasal il-vaċċin f’pajjiżna u qed jingħata, il-miżuri ta’ ħarsien għandhom jibqgħu fis-seħħ.

QUDDIEM IL-QRATI

Xi żmien ilu meta kont fuq Facebook, ikkritikajt il-mod kif qed titmexxa l-inkjesta publika dwar jekk l-istat naqasx li jħares is-sigurtà tas-sinjura Caruana Galizia. Ħabib  kitibli bil-kritika li mhux sew li nmaqdru l-operat tal-ġudikatura. B’hekk inkomplu, skont hu, innawru r-rispett u l-għożża li għandu jkollna bħala nazzjon lejn l-istat tad-dritt.

Għalija dan hu argument fażull għax f’demokrazija, kull istituzzjoni trid tkun soġġetta għal kritika f’kuntest ta’ trasparenza u ta’ “fair play”. 

Issa xi ħadd ieħor bagħtli kopja ta’ kumment li xandar dan l-istess ħabib dwar il-ġudizzju mogħti mill-qorti f’libell kontra it-torċa li għamlet artista tal-palk. Kellu kliem iebsa sew dwar kif il-qorti ċaħdet il-kwerela dwar ritratt tal-artista li hi stess kienet ħarġet fuq facebook.

Nibqa’ skantat b’kemm f’pajjiżna, ħafna minn dawk li jidhru bħala paladini tal-ġustizzja, fil-fatt jokkupaw dan ir-rwol biss meta l-ġustizzja tiddeċiedi favurihom.

Share With: