“Dmiri li niddefendi lil pajjiżi”

Jikteb l-MEP, Alex Agius Saliba

Din il-ġimgħa il-Membru Parlamentari Olandiż Peter Omtzigt, ir-rapporteur fil-Kunsill tal-Ewropa dwar reżoluzzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna, kompla bin-narrattiva t’attakki u negattività kontra Malta. Qal fost oħrajn li pajjiżna naqas milli jagħmel progress fit-tisħiħ tas-saltna tad-dirtt u li ma ġewx implementati r-rekomandazzjonijiet li ġew magħmula mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Min hu raġjonevoli jaf li din hija dikjarazzjoni inġusta u li fil-mira tiegħu Omtzigt għandu biss li jagħmel il-ħsara lil pajjiżna.

Sfortunatament, din hija kritika li tinstema’ u li tasal il-bogħod, u dan kollu jasal ukoll fil-kurituri tal-Parlament Ewropew. Jien bħala Membru Parlamentari Ewropew matul din il-ġimgħa ltqajt ma’ bosta kollegi biex niċċara l-ammont kbir ta’ ineżattezzi u nkompli nfiehem ir-riformi kbar li verament għamel dan il-Gvern, u x-xogħol li għad hemm pjanat. Ma nistax nippermetti li l-istampa dwar pajjiżna tpinġiha persuna li l-unika interess li għandha hu li tħammeġ u tkisser il-kredibilta’ tagħna. Agħar minn hekk, ma nistax inħalli lil Omtzigt jgħid tiegħu u jkompli jħarref, meta dan suppost huwa persuna oġġettiva li qed taġixxi b’rieda tajba, u li fl-aħħar mill-aħħar xogħolha hu li tara li verament isiru r-riformi u l-bidliet neċessarji, imma fil-verita’ qed jibqa’ għaddej bl-għammad u jibqa’ jinfluenza ruħu mill-informazzjoni qarrieqa li qed jitimgħuh nies minn fazzjoni tal-Partit Nazzjoni bħal Jason Azzopardi, u għaqdiet bħal Repubblika u Occupy Justice. Mhux aċċettabbli aktar u aktar, meta fuq in-naħa l-oħra, pajjiżna qed jiġi mfaħħar mill-Kummissjoni Ewropea fejn saħansitra l-Viċi-President Timmermans qal li pajjiżna huwa eżempju ċar ta’ kif pajjiż jista’ jibdel ir-rotta, iwettaq riformi olistiċi u jdawwar is-sitwazzjoni għal waħda pożittiva fi żmien qasir. Timmermans saħansitra qal li pajjiżna spiċċa jservi ta’ eżempju għal Stati Membri oħra dwar kif għandhom jitmexxew ir-riformi.  Dawn l-attakki orkestrati minn nies bħal Omtzigt però sfortunatament xorta jħallu l-impatt tagħhom, u għaldaqstant fil-Parlament Ewropew qed naħdem sabiex niċċara dan il-gideb u nara li jitneħħa dan id-dawl iswed li qed jitfgħu fuq pajjiżna. Wieħed ma jistax jinsa li dan il-qerq kollu ġej minn persuna li għandu rekord negattiv ferm, fejn saħansitra ġie akkużat u nstab ħati li bagħbas il-provi u ġab xhieda falza f’każ preċedenti dwar inċident internazzjonali. Kommess li nibqa’ naħdem biex inkompli nikxef il-qerq ta’ Omtzigt u l-klikka Nazzjonalista li magħhom qed jikkomplotta u jħarref.

Share With: