Fearne bi twissija dwar il-Covid-19 fil-jiem tal-festi

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wissa lill-poplu biex f’dawn il-jiem ta’ festi jibqa’ jsegwi l-miżuri b’rabta mal-Covid19 ħalli ma jkollnix żieda fil-każijiet lejn il-bidu tas-sena.

Huwa stqarr dan fil-Parlament waqt li kien qed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet dwar il-pandemija.

Fearne irrefera għad-deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea dwar il-Mediċini (EMA) li tressaq il-jum tad-deċiżjoni dwar il-vaċċin tal-Pfizer mid-29 ta’ Diċembru għall-21 ta’ Diċembru u qal li Malta kienet waħda mill-pajjiżi li talbitha tiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr.

Waqt li semma kif l-għada 22 ta’ Diċembru l-UE mistennija tapprova l-vaċċin, dejjem jekk dan ikun approvat mill-EMA, Fearne fakkar kif Malta għandha tibda tirċievi l-vaċċin lejn l-aħħar tas-sena jew il-bidu ta’ Jannar.

Huwa irrimarka kif mill-1.6 miljun vaċċin li se tirċievi Malta 500,000 se jkunu tal-Pfizer bil-kumplament tal-Moderna u l-AstraZeneca.

Il-Ministru għas-Saħħa serraħ ras il-pubbliku li l-vaċċin tal-Pfizer se jinżamm fit-temperatura ta’ -70 grad Celsius, kif qed tinsisti l-kumpanija, sakemm jingħata b’invit.

Dwar ir-rata ta’ infezzjonijiet bħalissa huwa għamilha ċara li ma jfissirx li għax ġej il-vaċċin allura l-problema se tispiċċa.

Huwa nsista li rridu nibqgħu viġilanti għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u sostna li l-miżuri jibdew jiġu rilaxxati meta jibdew jonqsu n-numri ta’ każijiet ġodda.

Fearne sostna li bħal kull tilqima oħra l-vaċċin huwa ntiż biex jevita li l-persuna tieħu l-Covid19 għalkemm iċċara li anke min ħa l-virus jeħtieġ li jeħodha għax ma nafux kemm iddum l-immunità.

Kien f’dan l-istadju li waqt li irrikonoxxa li ġej il-Milied u l-Ewwel tas-Sena li l-Ministru għas-Saħħa nsista li dan huwa żmien li nibżgħu għal xulxin.

Huwa ammetta li għandu 700 sena li jiltaqa’ mal-ġenituri tiegħu madankollu stqarr li se jżomm ‘il bogħod minnhom biex jibża’ għal saħħithom.

Fearne kompla li jekk irridu nagħtu rigal tal-Milied dan għandu jkun is-solidarjetà lejn xulxin u wissa kontra li l-pubbliku jmur għand xulxin għall-ikliet speċjalment anzjani u vulnerabbli.

Share With: