FESTI TAL-MILIED

Miktub minn ALFRED SANT

Mhijiex konsolazzjoni li tkun taf li oħrajn jinsabu f’qagħda agħar minn tiegħek. Sa hawn nistgħu naslu meta nqabblu kif iċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi Ewropej, u mhux miż-żgħar jew mill-anqas qawwija, se jqattgħu l-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Divjet li joħorġu barra minn darhom tard filgħaxija u billejl, ħwienet kważi kollha magħluqa… 

Il-biża’ fosthom hu li tant jinġemgħu każijiet ta’ kura mill-Covid-19 fl-isptarijiet li jiġġammja kollox.

Sadattant, tkebbes l-ottimiżmu dwar il-wasla tal-vaċċin. Imma l-imwiet baqgħu jiżdiedu, anke fil-pajjiżi li sa issa wrew l-akbar sens ta’ dixxiplina. 

L-istituzzjonijiet politiċi u soċjali baqgħu jagħmlu l-almu tagħhom ħalli jsostnu l-moral fost l-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħhom u fost il-ħaddiema fl-oqsma tas-saħħa li ilhom ix-xhur issa jikkumbattu l-corona virus

Talanqas it-temp xitwi ttardja. 

SERVIZZ LILL-KONSUMATUR

Ftit jirrealizzaw f’pajjiżna kemm il-konsumatur għadu ttrattat anqas minn tajjeb fis-servizz li jingħata wara li jkun xtara xi ħaġa. Suspett li qatt ma ġie mistħarreġ sew hu kemm f’pajjiżna jaslu oġġetti ta’ kwalità anqas minn tajba li xorta jinbigħu bi prezz sabiħ. 

  Il-fatt li ħafna prezzijiet ta’ oġġetti importati hu aqwa mill-prezz li bihom tista’ tixtrih fuq il-kontinent, ma jirriżultax biss mill-fatt li biex iġġibu hawn għandek spejjeż ta’ trasport għolja. Jew/u li l-importazzjoni ta’ tagħbijiet żgħar, peress li s-suq hu ċkejken, bilfors se ġġorr relattivament, prodott bi prodott, aktar spejjjeż minn meta tiġi f’tagħbijiet kbar. 

Mela, jaslulna prodotti li x’aktarx ma jkunux tal-aħjar kwalità, inħallsu għalihom aktar milli jħallsu għalihom ċittadini ta’ pajjiżi oħra Ewropej, u meta jmorru żmerċ – kif ta’ spiss jiġri – is-servizz li ningħataw bħala tiswija jew kumpens – issibu dgħajjef għall-aħħar.

SAX-XIFER

Indipendentement minn x’qed ikun it-“tmiem” tan-negozjati dwar il-Brexit, il-mod kif wasalna għalih ukoll iqajjem tħassib. Għaliex fl-Ewropa kull deċiżjoni tal-akbar importanza ikollha ssir f’atmosfera ta’ kriżi?

Fil-każ tal-Brexit, mill-bidu nett deherli li l-mod kif tnedew in-negozjati tfassal ħażin. Mhux għax bilfors kien hemm rieda ħażina minn naħa u oħra, imma għax in-negozjati mxew skont kif jgħidu t-trattati li jikkostitwixxu l-Unjoni Ewropea. Min innegozja dawn it-trattati, ftit qies li jista’ jkun li tassew xi pajjiż se jipprova joħroġ mill-Unjoni.

Allura pprevedew li f’kaz hekk, l-ewwel jiġi negozjat kif dal-pajjiż se jitlaq. U wara jiġi negozjat x’rabta se jkollu mal-Unjoni. Bħal meta koppja se tirranġa biex tiddivorzja, u l-ewwel tiftiehem kif se tinfired, u wara li sseħħ il-firda, se tiftiehem fuq x’se jsir mit-tfal u mill-akkwisti li l-koppja kellha bħala koppja. Ġennata.

Share With: