Fitch tikkonferma r-rating ta’ pajjiżna bħala ‘A+’ bi prospetti stabbli

L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala ‘A+’ bi prospetti stabbli. Dan minkejja l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija, liema impatt qed iwassal biex din l-aġenzija tirrevedi ’l isfel il-klassifikazzjoni ta’ diversi pajjiżi. Pereżempju, l-Islovakkja, li bdiet is-sena ‘A+’ bħal Malta, ġiet downgraded f’Mejju mbagħad f’Novembru ngħatat prospett negattiv anke fuq dan ir-rating imnaqqas. Kemm l-Italja kif ukoll ir-Renju Unit ingħataw downgrade minn Fitch u din l-aġenzija tat prospetti negattivi lill-Belġju, lil Franza u lir-Rumanija.

L-esperti ta’ Fitch Ratings taw fiduċja lil Malta għax sostnew li hija, “Fitch’s expectation that GDP growth will recover and the budget deficit narrow in 2021 and 2022”. Dawn il-konklużjonijiet huma għal kollox kontra dak li ssostni l-Oppożizzjoni f’pajjiżna. Filwaqt li nnutaw li t-turiżmu kien kajman minħabba l-imxija, dawn l-esperti internazzjonali nnutaw ir-reżiljenza ta’ setturi oħrajn fosthom tal-informatika u tal-qasam tal-proprjetà.

Aktar importanti minn hekk ir-rapport jistqarr, “We expect a stronger recovery, with GDP growth at 5.4% in 2021 and 3.9% in 2022 (previously 4.1% and 3.5%, respectively)”. Dan ifisser li mentri l-kelliema tal-Oppożizzjoni qed jippruvaw jgħidu li l-ekonomija tagħna mhix ser tirkupra, l-aspettattivi pożittivi tal-aġenzija indipendenti Fitch tjiebu anke aktar minn qabel. Ta’ min ifakkar li Fitch qed ibassru tkabbir ta’ 4.5% fl-2021 u ta’ 3.2% fl-2022 għaż-żona ewro, li jfisser li skont Fitch pajjiżna ser jikber ferm aktar mill-medja Ewropea.

Ir-rapport tal-aġenzija jinnota li l-qgħad baqa’ kontrollat f’pajjiżna filwaqt li sostna li l-estensjoni tal-wage supplement ser tkompli tissalvagwardja l-impjiegi. Element importanti wara l-fiduċja ta’ Fitch huwa l-kisba tal-gvern ta’ammont rekord ta’ fondi Ewropej. Fi kliem l-esperti, l-ammont miksub huwa aktar mid-doppju tal-ammont li kien inkiseb minn amministrazzjoni preċedenti. Fil-fatt, anke jekk jitnaqqas l-appoġġ kollu li mistenni jagħti l-gvern lin-negozji u lill-familji din is-sena u d-dieħla, xorta l-ammont ta’ fondi Ewropej li jifdal huwa aktar mill-ammont miksub mill-gvern preċedenti.

Kontra dak li jippruvaw isostnu l-kelliema tal-Oppożizzjoni, il-piż tad-dejn nazzjonali mhux veru ser jisplodi. Tant li Fitch ibassru li se jkun qrib is-60% u fil-medja tal-pajjiżi b’ranking ta’ ‘A’. Barra minn hekk, l-għaqal ta’ kif ġie ffinanzjat id-defiċit, il-ħlas tal-imgħax se jkun ta’ 3% tad-dħul tal-gvern mentri l-medja fost pajjiżi ta’ ranking bħal tagħna huwa eqreb il-5%.

Aspett ieħor interessanti fir-rapport ta’ Fitch huwa li skont dawn l-esperti, “Malta has made substantial progress in improving its supervisory framework”. Barra minn hekk, ir-rapport jikkonferma li fejn tidħol kwalità ta’ governanza, pajjiżna huwa, “At par with A-rated median”.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “Iċ-ċertifikat pożittiv li ngħata lil pajjiżna mill-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings huwa konferma oħra tal-għaqal li bih tmexxiet l-ekonomija tagħna u l-finanzi pubbliċi f’dan iż-żmien ta’ sfida. Dan flimkien mat-titjib fil-qasam tal-governanza ser jipprovdi pedament sod għat-tkabbir b’saħħtu ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin”.Attachments area

Share With: