Fl-Italja: L-imħabba li għelbet il-Covid-19 … ta’ aktar minn 90 sena jkomplu jwasslu messaġġ ta’ tama

Id f’id anke fuq is-sodda tal-isptar. Dan hu r-ritratt li ċertament se jibqa’ jgħożż iben Ivo Landi u Livia Arrighini. Hu fl-età ta’ 93 sena u hi fl-età ta’ 88 sena, it-tnejn li huma rikoverati fi sptar minħabba l-virus tal-Covid-19. 

Binhom Andrea Arrigo Landi tkellem mal-ġurnal La Nazione u filwaqt li rringrazzja l-infermiera li għaddewlu dan ir-ritratt qal li ħassu emozzjonat bl-imħabba li ommu u missieru kienu kapaċi jibqgħu joffru lil xulxin f’dan il-perjodu tant diffiċli. Huwa ddeskriva dan ir-ritratt bħala xhieda ta’ mħabba li kapaċi tegħleb anke l-Coronavirus.

Sa xahar ilu l-koppja kienu jgħixu kuntenti fi djarhom fi Prato sakemm il-missier kellu jiddaħħal l-isptar minħabba problemi respiratorji u aktar tard irriżulta pożittiv għall-virus. Ma kinitx esperjenza faċli u t-tobba kienu wissew lil tal-familja li kienet iebsa li dan isalva.

Minkejja dan, l-anzjan beda juri titjib, iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-omm li ftit wara sofriet kumplikazzjonijiet u spiċċaw sodda ma’ sodda fl-isptar.

Fortunatament il-kumpanija ta’ xulxin swiethom tajjeb u issa t-tnejn jinsabu viċin il-fejqan u b’hekk qed jiddefinixxi dan ir-ritratt bħala messaġġ ta’ tama f’perjodu tant diffiċli.

Share With: