F’Moska: Dawk l-aktar f’riskju jibdew jitlaqqmu għall-Covid-19

Ir-Russja bdiet tagħti t-tilqima tal-Covid-19 fil-kliniċi tal-belt kapitali ta’ Moska.

Ir-Russi qegħdin jagħtu l-vaċċin li żviluppaw huma stess bl-isem ta’ Sputnik V lil dawk l-aktar f’riskju li jlaqqtu l-virus tal-Covid-19.

L-Iżviluppaturi qed jgħidu li l-vaċċin Russu huwa 95 fil-mija effettiv u li l-effetti tiegħu huma minimi, anke jekk l-ittestjar tiegħu għadu għaddej.

Eluf ta’ persuni rreġistraw biex ikunu jistgħu jitlaqqmu bl-ewwel minn fost iż-żewġ tilqimiet sa tmiem il-ġimgħa. Minkejja dan s’issa għadu mhux magħruf l-ammont ta’ tilqim li r-Russi se jkunu kapaċi jipproduċu.

Skont rapporti jidher li l-produtturi qed jikkalkulaw li se jkunu kapaċi jipproduċu żewġ miljun doża tal-vaċċin sa tmiem is-sena.

Persuni li ħadu xi tilqima fl-aħħar xahar, dawk li kellhom problemi respiratorjifl-aħħar ġimagħtejn, dawk b’mard kronaku, nisa tqal u dawk li qed ireddgħu se jkunu esklużi.

Kull persuna se tkun qiegħda tingħata żewġ injezzjonijiet 21 ġurnata bogħod minn xulxin.

Share With: