Fond ta’ għotjiet ta’ €20 miljun biex jgħin lill-SMEs jimmassimizzaw l-assi tal-proprjetà intellettwali tagħhom

Illum ġie mniedi fond ta’ għotjiet ta’ €20 miljun (Ideas Powered for Business SME Fund) li għandu l-għan li jgħin lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju bbażati fl-Unjoni Ewropea biex jaċċessaw u jibbenefikaw mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (PI) tagħhom.

L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju Ewropej (SMEs tal-UE) huma essenzjali għall-ekonomija Ewropea, u jipprovdu 67 % tal-impjiegi totali u jirrappreżentaw 99 % tan-negozju kollu fl-UE. Għalkemm 9 % biss tal-SMEs kollha tal-UE huma proprjetarji ta’ drittijiet tal-PI, dawk li rreġistraw il-PI tagħhom għandhom kważi terz tad-dħul aktar għal kull impjegat mill-SMEs li ma għandhomx, skont riċerka li saret mill-EUIPO.

Miftuħa għall-intrapriżi kollha fl-UE li jaqgħu taħt id-definizzjoni uffiċjali ta’ SME, l-iskema l-ġdida toffri appoġġ finanzjarju fil-forma ta’ rimborżi għal applikazzjonijiet għal trademarks u disinni  sa ammont massimu ta’ EUR 1 500 għal kull negozju. Din tiftaħ għall-applikazzjonijiet fil-11 ta’ Jannar  2021 fl-ewwel ħames perjodi għall-applikazzjonijiet li se jibqgħu għaddejjin matul l-2021.

L-iskema l-ġdida titmexxa mill-programm Ideas Powered for Business fl-EUIPO, u hija parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-PI tal-Kummissjoni Ewropea. Din titwettaq f’kooperazzjoni mal-uffiċċji nazzjonali u reġjonali tal-proprjetà intellettwali tal-UE.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO, Christian Archambeau, qal:
Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq l-SMEs, u l-UE hija impenjata li tappoġġjahom lejn l-irkupru. Ħafna mit-tkabbir ekonomiku u l-prosperità futuri tagħna jiddependu mis-suċċess ta’ SMEs innovattivi u dinamiċi, inklużi negozji ġodda. L-għajnuna li tingħata lilhom biex jiżguraw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom hija parti importanti mill-missjoni tal-EUIPO, u dik tas-sħab tiegħu, speċjalment l-uffiċċji nazzjonali u reġjonali tal-proprjetà intellettwali tal-UE, li huma qrib tal-SMEs fl-Istati Membri tagħhom stess.

Bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni ta’ rkupru wara l-COVID-19 għall-SMEs tal-UE, din l-azzjoni – l-Ideas Powered for Business SME Fund – tinkludi rimborżi għal applikazzjonijiet għal trademarks u disinni fil-livell nazzjonali, fil-livell reġjonali (fil-Benelux) u fil-livell tal-UE, permezz tal-EUIPO.

Share With: