“Forsi wasal iż-żmien għal ‘kuntratt soċjali’ mal-pjattaformi tat-trasport – Matthew Bezzina, CEO ta’ eCabs

Minn Victor Vella

‘Telllieqa mal-ħin biex nagħmel kemm jista’ jkun ordnijiet. Ħinijiet twal ta’ xogħol biex nieħu kemm nista’. Bħalissa siegħa tajba biex naqla lira”. Hekk beda biex irakkontalna sewwieq ta’ mutur li jaħdem ma’ platform tat-trasport, li mindu bdiet il-pandemija żdied sew ix-xogħol tagħhom. Jirrakkonta dwar inċident li kellu. “Setgħet ġietni ħafna agħar. Xorta waħda għadni daqxejn muġugħ.” Iħares lejja u jgħidli li “ma rajtux dak t’Għawdex. Ħareġ jaqla’ lira għall-familja. Ħabat ma’ xarabank u baqa’ sejjer’. Wasal iż-żmien li aħna jkollna xi tip ta’ protezzjoni. M’għandux ikollna xi tip ta’ kumpens għal inċidenti jew meta inweġġgħu fuq ix-xogħol? Aħna mhux ħaddiema ukoll? Qed noperaw f’settur li qisna waħidna. La naf min qed iħaddimni. Jekk jiġrili xi ħaġa fuq min se ndur? Qed noperaw qisna f’ġungla. Min hu b’saħħtu l-aktar iħawwel. Imma dan ġust? Dan prekarjat.”

Quddiem din is-sitwazzjoni, operaturi fil-qasam tat-trasport f’pajjiżna wkoll huma mħassbin. IT-TORĊA tkellmet mal-Kap Eżekuttiv ta’ eCabs, Matthew Bezzina kemm dwar din is-sitwazzjoni u anke dwar il-qasam inġenerali tat-trasport f’pajjiżna. Fi kliemu stess wasal iż-żmien li Malta tkun innovattiva u tmur lejn ‘kuntratt soċjali’ mal-pjattaformi tat-trasport.

Xogħljiet fit-toroq ħallew effett pożittiv

Ix-xogħlijiet li qed isiru fit-toroq huma bżonnjużi? Kif affettwaw kumpaniji fit-trasport bħal dik tal-E Cabs? 

Matthew Bezzina jgħidilna li “wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn investiment li hu għal perjodu qasir ta’ żmien u investiment għal tul ta’ żmien. Ħadd ma jista’ jinnega li l-pajjiż qatt ma ra investiment fl-infrastruttura daqs dawn l-aħħar snin. Wieħed mill-effetti pożittivi ta’ dan, huwa li l-prezzijiet fit-trasport roħsu. Qabel kont tieħu tlett kwarti biex tagħmel vjaġġ partikolari imma llum b’xogħlijiet li saru tieħu inqas ħin. Qabel, biex titla’ minn San Ġiljan sa l-ajruport, kienet tiġik €20. Illum, fejn it-traffiku ħfief, il-prezz jiġik ferm inqas. Dan juri kemm hu importanti li jkollok investiment fuq perjodu qasir ta’ żmien. Kellna sitwazzjoni sa ftit snin ilu fejn il-pajjiż kien qed jifga. Kien hawn defiċit infrastrutturali li llum il-ġurnata ġie trattat. Nemmen li ġie trattat kif suppost. Dawn is-soluzzjonijiet fix-short term qed jaħdmu”.

Il-Malti jagħmel bejn 3 u 4 vjaġġi kuljum

Nistaqsuh kif b’soluzzjonijiet għal bażi qasira ta’ żmien ma tissolviex is-sitwazzjoni fit-trasport. Matthew jispjega x’iħoss li hemm bżonn li jsir. 

Jenfasizza li “għandna sitwazzjoni fejn il-Malti llum hu kkalkulat li jagħmel bejn 3 u 4 vjaġġi kuljum. Jagħmel il-vjaġġi għax-xogħol u wara jagħmel qadi u affarijiet oħra.  Il-maġġoranza ta’ dawn il-vjaġġi isiru bil-karozzi privati. Għandna sitwazzjoni f’pajjiżna fejn 95 fil-mija tal-ħin tagħha, il-karozza tkun ipparkjata, ħafna drabi tokkupa spazju li fl-aħħar mill-aħħar huwa pubbliku. Nemmen li hemm bżonn soluzzjonijiet biex in-nies jibdew jinqalgħu mill-karozzi tagħhom.“

Jisħaq li “f’ekonomiji avvanzati wieħed irid jimbotta l-ħsieb li mhux dak li jkun ma jużax il-karozza tiegħu imma li jibda’ juża’ wkoll metodi oħra ta’ trasport. Qed nitkellem fuq metodi ta’ trasport nodfa. Jekk it-tlieta jew erba’ vjaġġi tnaqqashom imqar b’terz u dan billi in-nies jużaw scooters, car sharing, mixi u mezzi oħra, tkun iffrankajt ħafna traffiku u naqqast l-emissjonijiet”.

“L-investiment fit-toroq hu tajjeb. Li nneħħu dawk il-partijiet li fihom it-traffiku jgħaddi minn qisu lembut u jkun hemm konġestjoni, hu tajjeb ukoll. Però ma niqfux hemm. Nemmen li ma’ dan imbagħad għandu jkun hemm pjan fit-tul biex inti jkollok politika u strateġija li titratta is-servizz tat-trasport għat-tul.”

Jisħaq li “nemmen li fuq dawn il-pjani għat-tul fit-trasport hemm bżonn li jkun hemm kunsens politiku. Ma jistax ikollok deċiżjonijiet li jittieħdu llum u l-frott tagħhom se jimmaterjalizza bejn għaxar jew ħmistax-il sena oħra u dwarhom ma jkollokx kunsens politiku. Dan hu importanti għal kontinwità. Wasal iż-żmien li fil-qasam tat-trasport, nibdew naraw maturità politika. It-trasport ma jistax ikun ballun politiku.

Problemi fl-industrija tat-trasport li qed noperaw fiha 

Nistaqsuh kif illum huma diversi dawk ix-xufiera li qed jilmentaw mill-fatt li f’din l-industrija qed jaħdmu ma’ pjattaformi tat-trasport fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma inferjuri għal ta’ xufiera oħra. Għal dawn il-ħaddiema la jeżisti leave bi ħlas, la teżisti assigurazzjoni u lanqas benefiċċji jew benefiċċji marbutin ma’ saħħa. 

Fi kliemu stess, “dik li tissejjaħ ‘gig economy’ ilha teżisti għal dawn l-aħħar tlett snin hawn Malta. Ilna nsemmuha imma donnu kollox jorqod fuq ruħ ommu. Illum hawn liġi li tippermetti li persuna tkun self employed u taħdem ma’ pjattaformi. Prattikament, hi l-pjattaforma li ttik ix-xogħol. Mindu d-dinja intlaqtet mill-pandemija, kien hemm żieda fix-xogħol għal dawn it-tip ta’ pjattaformi. F’pajjiżna rajna żieda kbira fl-ammont ta’ pjattaformi li joffru xogħol lil xufiera biex iwasslu l-ikel fid-djar tan-nies. Għal tlett snin sħaħ konna qed noperaw f’industrija u b’liġijiet li inkitbu għexieren ta’ snin ilu. Il-gvern issa irregolarizza. Biss m’hemmx kommunikazzjoni bejn il-leġiżlatur, Transport Malta u d-Direttur tax-Xogħol. Fl-aħħar xhur il-problemi f’dan is-settur esponew ruħhom sew minħabba dawn il-pjattaformi.”

‘Proposition 22’…kuntratt soċjali biex għall-inqas ikun hemm benefiċċji u protezzjoni bażika għax-xufiera

Matthew Bezzina jgħidilna li “quddiem dak li għaddej ngħid li wasal iż-żmien li nimxu għal dak li fl-Istati Uniti jsejħulha “Proposition 22. Inti għandek tlett modi kif timpjega. Li jkollok impjegat fuq bażi full time, jew ikun self-employed, jew inkella it-tielet mod li jfisser il-ħolqien ta’ kuntratt soċjali mal-gig platforms. Dan il-kuntratt jara li jkun hemm benefiċċji għall-istess xufiera. Jara li jkun hemm assigurazzjoni għas-saħħa tal-istess xufiera bħal per eżempju jekk iweġġgħu fuq il-post tax-xogħol. Ma ninsewx li dawn ħafna minnhom joperaw b’muturi li jista’ jkollok inċident u tweġġa’. Kuntratt soċjali jara wkoll li jkun hemm leave bi ħlas.”

‘Irridu nkunu proattivi’

Jenfasizza li “dan huwa qasam li rridu inkunu proattivi u kapaċi nindirizzaw l-isfidi immedjati. Hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa fuq dan il-qasam. Ma jistax ikollna xufiera għaddejjin fit-toroq tagħna bla protezzjoni ta’ xejn. Kemm kellna inċidenti u ħadd ma ta’ kas? Wara kull inċident hemm xufier mhux numru. Hemm familja. Nemmen li iva wasal iż-żmien li f’Malta, immorru lejn din id-direzzjoni. Li jkollna dan il-kuntratt soċjali mal-platforms. Huwa kunċett li fl-Ewropa dan għadu ma daħalx u għalhekk għandna opportunità biex Malta tkun l-ewwel li tibda’ dan u sservi ta’ eżempju għall-pajjiżi l-oħra.”

Tenna li “għandna pjattaformi, li għax ikunu barranin u ma jkunux ibbażati f’Malta jispiċċaw jabbużaw. Aħna bħala eCabs, ukoll noperaw pjattaforma iżda aħna pjattaforma Maltija. Wara l-pjattaforma tagħna hemm kumpanija tat-teknoloġija li magħha tħaddem għadd ta’ inġiniera. F’pajjiżna bħalissa għandna sitwazzjoni fejn xufiera joperaw f’suq, li sa issa ħadd ma jaf kif qed jiżvolġu l-affarijiet. Nemmen li iva l-imsieħba soċjali għandhom jiġu flimkien u jiżviluppaw liġi dwar il-gig economy. Irridu naraw li d-drittijiet tax-xufier ikunu mħarsa. B’hekk biss tista’ tikber u tibqa’ miexja ‘l quddiem. Ma nistgħux nibqgħu inkaxkru saqajna. 

Ikollhom inċident u qed jispiċċaw waħedhom

“Nemmen li għandna nkunu proattivi ħalli kulħadd ikun jaf fuq liema binjarju qed jaħdem. Hemm min qed jirriskja u jikser il-liġi u hawn min ma jridx jagħmel hekk. Kien hemm każ ta’ xufier f’Għawdex li miet waqt li kien qed jaħdem.Familtu dan, anqas kumpens mill-kumpanija ta’ l-assikurazzjoni ma tieħu għax ix-xufier qatt ma jkun inxurjat taħt il-polza tal-vettura jew mutur. Ix-xufier ikun inxurjat biss minn min iħaddmu taħt dik li tissejjaħ ‘employers liability insurance’. U xufier self-employed la hu mgħallem tiegħu nnifsu, ma jkunx jista’ jdur fuq min jimpjegah. Tajjeb li jkun hawn liġijiet li jipproteġu u li jkollhom flessibilità u jimxu ma’ dak li jrid is-suq. Tajjeb li xufier jagħżel hu x’ħin jixtieq jaħdem u x’ħin ikun jixtieq jistrieħ, f’sitwazzjoni fejn is-suq jippremja lil min jaħdem l-aktar. Qed nispiċċaw b’xufiera li jkollhom inċident u qed jispiċċaw waħidhom. Nemmen f’regolamenti li jipproteġu l-interessi ta’ kull min hu involut. Irridu naraw li x-xufiera jkunu protetti u din irrid nenfasizzaha. Li hu żgur hu li ma nistgħux nibqgħu fejn aħna”, jisħaq Matthew Bezzina.

Bil-kuntratt soċjali… ikun hemm protezzjoni bażika

Il-mistoqsija li toħroġ hi ċara – b’dan il-kuntratt soċjali x’qed nifhmu? Għal din il-mistoqsija Matthew Bezzina jgħidilna li “b’kuntratt soċjali għal persuni li jaħdmu fil-gig economy, ix-xufier mhux se jkun protett daqs impjegat. Imma x-xufier se jkun qed jingħata protezzjoni bażika. Prattikament ma’ jkunx waħdu meta jinqala’ xi saram. Li tara li jaħdmu ċertu ammont ta’ sigħat, hi tajba għas-saħħa u sigurtà ta’ l-istess xufiera. Mhux kif inhi s-sitwazzjoni ta’ bħalissa li qisu jista’ jaħdem kemm irid, jiflaħ u jiflħax dawk is-sigħat”.

“Meta qed nitkellmu fuq il-pjattaformi qed nitkellmu fuq it-teknoloġija, ix-xufier u l-klijent. Il-pjattaforma qed toħloq suq għax-xufiera u suq għall-konsumatur. Il-pjattaforma tlaqqagħhom. Aħna bħala eCabs konna l-ewwel pjattaforma Maltija. Bħala eCabs għandna xufiera li huma impjegati full-time u għandna oħrajn li  huma ukoll self-employed. Max-xufiera tagħna naraw li l-standards iżommu magħhom, fosthom l-indafa. Ix-xufiera għandhom id-drivers app tagħhom li permezz tagħha, ngħaddulhom ix-xogħol u mbagħad ix-xufiera jagħtu ħlas lill-pjattaforma. Kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa ix-xufiera li jaħdmu ma’ ċertu pjattaformi qed jitħallew waħidhom. Hawn pjattaformi per eżempju li jddaħħlu ħafna xufiera fis-sajf meta jkun hawn ħafna xogħol u ovvjament dawn ikollhom ix-xogħol. Imma imbagħad meta jkun hemm inqas xogħol imma l-ammont xufiera jibqa’ l-istess, il-pjattforma lil dak ix-xufier qed tgħidlu issa problema tiegħek kif se jkollok ix-xogħol. Għalhekk naħseb li ma tistax tħalli din l-industrija topera waħidha. Din hi regolamentazzjoni importanti li tipproteġi it-teknoloġija, biex l-industrija tkompli tikber u x-xufier mhux jispiċċa skjav biex xi darba jħallas il-karozza.”

Inħarsu lejn trasport alternattiv

Jitkellem dwar it-trasport alternattiv. Jenfasizza li “Malta, pajjiż b’27 b’14-il kilometru, hi l-aktar pajjiż kumplikat. Kulħadd irid jiekol. Kulħadd irid jiddeverti. Iżda l-ispazju huwa skars. Għalhekk hemm bżonn li nużaw bl-aħjar mod u bl-aktar mod effiċjenti il-ħin u l-ispazju li għandna. Qed ngħid anki spazju bħal toroq. It-triq hi spazju pubbliku. X’se nagħmlu b’dan l-ispazju? Se ndaħħlu ħlas għall-parkeġġ? Noħolqu scooter lanes? Għandna l-ispazju u rridu niddeċiedu. Veru li ħafna drabi, tagħmel x’tagħmel se taqlagħha. U huwa għalhekk li jrid ikollna kunsens politiku – għax se jkun hemm deċiżjonijiet li jweġġgħu. Il-ħin irridu nużawh bl-aħjar mod possibbli. Ġimgħa ma fihiex ħames ijiem. Ġurnata ma fihiex tnax-il siegħa imma 24 siegħa. F’ċertu affarijiet nistgħu nifirxu l-użu tal-infrastruttura fuq sebat ijiem u 24 siegħa.  Fl-2016, Transport Malta kieu ħargu bi strateġija nazzjonali dwar it-trasport u anke għamlu Master Plan għat-Trasport. Kull soluzzjoni li għandna bżonn, diġa qiegħda hemm. Dawn linja gwida. Li kieku bdejna nimxu magħhom, kieku llum qegħdin f’sitwazzjoni ferm u ferm aħjar.”

L-element uman trid izzommu….nemmen li dan hu vantaġġ kompetittiv

Illum qisu qed jitnaqqas l-element uman minn ċertu kumpaniji fit-trasport. Staqsejnieh x’jaħseb dwar dan. Bla tlaqlieq jgħidilna li “aħna bħala kumpanija, l-għan aħħari huwa li nagħmlu profitt. Però dan mhux a skapitu tan-nies. Nemmnu li sirna sħab importanti f’dan il-qasam. Il-mobbiltà hi dritt. Biex industrija tibqa’ tikber trid tieħu ħsiebha. 

Bħala kumpanija nidejna Charter għas-Sigurtà tal-Passiġġieri. Dan hu importanti għax mingħajr passiġġieri ma tagħmel xejn. Li jkollok Charter ifisser li se tidħol f’aktar spejjeż u aktar kumplikazzjonijiet. Iżda din mhiex spiża imma investiment. Ma tridx tħares biss lejn il-profitt imma anke lejn is-sigurtà tal-passiġġieri. Aħna morna lil hinn minn dak li tgħid il-liġi. Qed noffru aktar u qed inwegħdu li nagħtu aktar minn dak li timponi fuqna l-liġi. Bilanċ bejn dak li għandu bżonn ix-xufier u l-klijent. Meta persuna tiġi biex taħdem bħala xufier magħna, naraw li jkollha t-taħriġ kollu, li ssir due diligence fuq kull persuna u li l-karozzi jinżammu dejjem indaf u f’kundizzjoni eċċellenti. Faċli titfa’ r-responsabbiltà fuq kull xufier kif hemm min qed jagħmel. 

Minn naħa tiegħu l-passiġġier jaf x’għandu jagħmel. lr-regolamenti hemm qegħdin u wieħed faċilment jarahom fuq l-app u anke fuq is-sit ta’ l-internet. B’dan qed noħolqu armonija bejn il-protagonisti kollha. Ix-xufier għandu r-responsabilitajiet, imma għandu drittijiet ukoll. Għalina, l-element uman dejjem hemm u nieħdu ħsiebu. Fil-każ tagħna, l-element uman huwa l-vantaġġ kompetittiv.”

Share With: