Fost l-oħrajn rikonoxxuti persuni distinti waqt il-pandemija tal-Covid-19 fl-għoti tal-midalji ta’ Ġieħ ir-Repubblika

Ritratt: ALAN SALIBA

Kull sena f’Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta, f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, jagħti ġieħ pubbliku lil għadd ta’ Maltin li jiddistingwu ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja b’ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu jew fix-Xirka Ġieħ ir-Repubblika, jew bl-għoti tal-Midalja għall-Qlubija u tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Malta tagħti ġieħ ukoll lil dawk il-persuni ta’ nazzjonalità barranija li jkunu ddistingwew ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja, fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet internazzjonali jew li jkunu kisbu r-rispett u l-gratitudni tal-poplu tal-gżejjer Maltin.

Din is-sena, iċ-ċerimonja ta’ investitura saret fil-Palazz, il-Belt Valletta, nhar il-Ħadd 13 ta’ Diċembru 2020, wara l-parata ċerimonjali f’Misraħ San Ġorġ. 

Matul iċ-ċerimonja ta’ din is-sena, il-President ta’ Malta George Vella ta ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lil ħdax-il persuna. Seba’ persuni oħra ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Fost dawk li ġew mogħtija dawn l-unuri kien hemm il-Kardinal Mario Grech, il-Professur Charmaine Gauci, lil Dr. Christopher Barbara u lill-Brigadier Jeffrey Curmi.

Il-Maestro Paul Abela, Dr. Charles Mallia Azzopardi, il-Prof. Stephen Montefort, il-Prof. Charles Briffa, Anthony Cassar Darien, James Henry Pearsall u Mons. Dr. Joseph Vella Gauci ġew ippremjati wkoll.

Intant il-Prof. Carmelo Agius, il-Mgr. Prof Emmanuel Agius, Rebecca Cremona, il-Prof. Alan Deidun, Elio Lombardi, Raymond Farrugia u kif ukoll The Tramps, ġew rikonoxxuti wkoll fejn ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Ma setax jonqos li fost dawn il-premjijiet jiġu rikonoxxuti dawk li matul dawn l-aħħar xhur kienu protagonisti fil-ġlieda kontra l-virus tal-COVID-19.

Aktar Kmieni: Minn hawn u ftit tal-ħin mistennija jitħabbru l-ismijiet ta’ dawk li se jkunu qegħdin jiġu rikonoxxuti b’midalji waqt iċ-ċerimonja f’Jum ir-Repubblika.

F’din iċ-ċerimonja mistennija jiġu ppremjati fost oħrajn, persuni li taw kontribut bil-ħidma tagħhom. Fost dawn il-persuni, mistennija tiġi ppremjata l-Professur tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci. Gauci kienet katalista fil-ħidma tagħha matul dawn l-aħħar xhur tal-pandemija fejn flimkien ma’ persuni oħra, fosthom il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’kosultazzjoni ma’ awtoritajiet oħra, iddiriġew lill-poplu waqt din il-pandemija tal-Covid-19 li laqtitna għall-għarrieda.

Minkejja li din mhix xi ħaġa konfermata, Gauci dehret dieħla fil-Palazz tal-President fejn minn hawn u ftit ieħor se jkunu qegħdin jitqassmu dawn il-midalji.

Share With: