“Fundamentali li l-organizzazzjonijiet jibagħtu r-rendikont finanzjarju ta’ matul is-sena fil-ħin”

Inewsmalta f’intervista mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Dr Anthony Abela Medici 

Minn Claudio Coleiro

F’hiex tikkonsisti l-ħidma tal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji u x’inhu x-xogħol tal-Uffiċċju?

Il-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji hu appuntat mill-Ministru responsabbli għall-Volontarjat wara konsultazzjoni mas-Social Affairs Committee tal-Parlament. Il-ħidma tal-Kummissarju hi regolata minn Artikolu 7 tal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji, Kap. 492 tal-Ligijiet ta’ Malta. Prinċipalment hu obbligat li: 

  1. • jipprovdi faċilitajiet ta’ iskrizzjoni għal organizzazzjonijiet li huma eliġibbli biex jiġu iskritti skont dan l-Att;
  2. • jissorvelja l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet volontarji biex jiżgura li d-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att u ta’ regolamenti magħmulin taħtu jiġu osservati;
  3. • jipprovdi lil organizzazzjonijiet volontarji b’informazzjoni dwar il-benefiċċji u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mir-reġistrazzjoni tagħhom bħala persuni ġuridiċi kif hemm imsemmi fit-Tieni Skeda li tinsab mal-Kodiċi Ċivili u l-iskrizzjoni skont dan l-Att;
  4. • jipprovdi informazzjoni u linji gwida lil persuni li jagħmlu xogħol volontarju u lil membri ta’ organizzazzjonijiet volontarji, biex ikunu jistgħu jaqdu aħjar ir-rwol tagħhom u biex jilħqu aħjar l-objettivi tal-organizzazzjonijiet volontarji fejn huma jservu;
  5. • jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Ministru fuq il-liġijiet u fuq kull politika ta’ appoġġ għalorganizzazzjonijiet volontarji u għal xogħolvolontarju;
  6. • jassisti lill-Gvern, dipartimenti tal-gvern, aġenziji pubbliċi u entitajiet kontrollati mill-Gvern fit-tħejjija u r-reviżjoni ta’ kull politika li tkun ta’ appoġġ għal organizzazzjonijiet volontarji u għas-settur tal-volontarjat b’mod ġenerali;
  7. • jinvestiga kull ilment dwar l-organizzazzjonijiet volontarji jew persuni jew organizzazzjonijiet li jagħmluha ta’ organizzazzjonijiet volontarji u lattivitajiet tagħhom, u jieħu dik l-azzjoni li tkun fis-setgħa tiegħu li jieħu biex jipprovdi rimedju għal kull ilment ġustifikat li jista’ jsir jaf bih;
  8. • jissorvelja l-promozzjoni ta’ organizzazzjonijiet volontarji kif ukoll l-imġieba ta’ amministraturi ta’ organizzazzjonijiet bħal dawk biex jiżgura li jiġu osservati standards għoljin ta’ responsabbiltà u ta’ trasparenza u ta’ konformità mal-liġi; Kap. 16.
  9. • jikkordina u jikkomunika mar-Reġistratur għal Persuni Legali kif hemm imsemmi fit-Tieni Skeda li tinsab mal-Kodiċi Ċivili bil-għan li jiffaċilita l-proċessi ta’ reġistrazzjoni u iskrizzjoni għal organizzazzjonijiet volontarji;
  10. • jikkopera mal-Kunsill u jagħtih l-appoġġ tiegħu biex jiżviluppa kull politika li tkun ta’ benefiċċju għas-settur tal-volontarjat b’mod ġenerali jew għal xi kategoriji ta’ dak is-settur;
  11. • jirrevedi perjodikament informazzjoni ġdida dwar il-vulnerabilitajiet potenzjali tas-settur volontarju għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
  12. • jekk jiskopri fatti jew jikseb informazzjoni li jqajmu suspett li l-fondi li tkun irċeviet Organizzazzjonijiet volontarja jistgħu jkunu ġejjin minn attività kriminali jew li l-attivitajiet ta’ Organizzazzjonijiet volontarja jistgħu jkunu relatati ma’ ħasil ta’ flus jew finanzjament ta’ terroriżmu, għandu minnufih jiżvela dawn il-fatti jew dik l-informazzjoni, sostnuti b’dokumentazzjoni relevanti u ta’ sostenn li jista’ jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, lill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja;
  13. • jaqdi kull funzjoni oħra jew dmir ieħor assenjati lilu taħt dan l-Att u regolamenti magħmulin taħtu kif ukoll dawk il-funzjonijiet l-oħra koreġistrazzjoni u iskrizzjoni għal organizzazzjonijiet volontarji;
  14. • jikkopera mal-Kunsill u jagħtih l-appoġġ tiegħu biex jiżviluppa kull politika li tkun ta’ benefiċċju għas-settur tal-volontarjat b’mod ġenerali jew għal xi kategoriji ta’ dak is-settur;
  15. • jirrevedi perjodikament informazzjoni ġdida dwar il-vulnerabilitajiet potenzjali tas-settur volontarju għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;
  16. • jekk jiskopri fatti jew jikseb informazzjoni li jqajmu suspett li l-fondi li tkun irċeviet Organizzazzjonijiet volontarja jistgħu jkunu ġejjin minn attività kriminali jew li l-attivitajiet ta’ Organizzazzjonijiet volontarja jistgħu jkunu relatati ma’ ħasil ta’ flus jew finanzjament ta’ terroriżmu, għandu minnufih jiżvela dawn il-fatti jew dik l-informazzjoni, sostnuti b’dokumentazzjoni rilevanti u ta’ sostenn li jista’ jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, lill-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja;
  17. • jaqdi kull funzjoni oħra jew dmir ieħor assenjati lilu taħt dan l-Att u regolamenti magħmulin taħtu kif ukoll dawk il-funzjonijiet l-oħra kollha li jistgħu jiġu assenjati lilu taħt kull liġi oħra.

Il-Kummissarju huwa wkoll obbligat li jħaddem il-legislazzjonijiet l-oħra ta’ Public Collections u Charity Shops riċentement promulgati.

Ix-xogħol tal-Uffiċċju jikkonsisti fis-sezzjoni tal-Enrolment tal-Organizzazzjonijiet Volontarji, li bl-emendi tal-Liġi issa hi mandatorja għal dawk l-organizzazzjonijiet kollha li għandhom skop soċjali. Dan l-uffiċċju jeżamina l-istatut u dokumenti oħra biex jassigura li l-applikanti għandhom il-kwalifiċi mitluba mill-ligi.  

Dan ifisser li jagħmel proċessi ta’ due diligence fuq l-organizzazzjonijiet kollha u l-amministraturi tagħhom. L-uffiċċju huwa wkoll obbligat li jirċievi l-annual accounts u l-annual returns tal-organizzazzjonijiet kollha, jeżaminhom, jivverifikahom u wara joħroġ il-“compliance certificate” li permezz tiegħu l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi pubbliċi. 

L-Uffiċċju jrid iżomm due diligence fuq l-organizzazzjonijiet kollha u jeżamina l-annual returns bir-reqqa biex jassigura li ma jkunx hemm abbużi u speċjalment ma jkunx hemm ħasil ta’ flus jew flus mibgħuta għal skopijiet ta’ terroriżmu. L-Uffiċċju hu wkoll obligat li jinvestiga kwalunkwe lment mill-pubbliku sakemm dan ikun bil-miktub.                     

Kemm hawn b’kollox organizzazzjonijiet volontarji f’pajjiżna?

L-Uffiċċju tal-Kummissarju ma jistax jagħti n-numru eżatt ta’ kemm hawn organizzazzjonijiet volontarji f’pajjiżna. Dan għaliex il-lista li għandu l-Uffiċċju tiġbor l-organizzazzjonijiet li huma rreġistrati fir-Reġistru tal-Kummissarju. 

F’din il-lista, l-Uffiċċju għandu 1,594 Organizzazzjonijiet volontarji li huma ‘fully enrolled’ fl-ewwel reġistru. Min-naħa l-oħra, fit-tieni reġistru, li jiġbor fih l-organizzazzjonijiet kollha li huma ‘enlisted’ jiġbor fih 29 Organizzazzjonijiet volontarja. B’hekk, preżentament, fiż-żewġ reġistri, jeżistu total ta’ 1,623 Organizzazzjonijiet volontarji. 

Taħseb li dan is-settur għandu jibqa’ jiġi regolat?

L-iskop tal-legiżlazzjoni tal-2007 kienet li s-settur għandu jkun regolat. Dan l-iskop għadu validu sal-lum, iżjed u iżjed meta l-emfasi qed tkun iżjed fuq assigurazzjoni li l-flus miġbura ma jmorrux għal għanijiet ta’ finanzjament ta’ terroriżmu jew ta’ ħasil ta’ flus. 

Barra minn hekk, il-poplu għandu jkollu l-assigurazzjoni li l-flus u donazzjonijiet li jagħti lill-Organizzazzjonijiet Volontarji qed imorru verament għall-iskopijiet dikjarati. Regolament ta’ dan is-settur jassigura li dan iseħħ.

X’tip ta’ rregolaritajiet issib mill-organizzazzjonijiet volontarji?

L-ikbar irregolarità hija l-fatt li l-organizzazzjonijiet ma jdaħħlux l-annual returns mal-Uffiċċju tagħna. L-annual returns huma r-rendikonti ta’ kull sena li l-organizzazzjonijiet huma obbligati li jibagħtu ta’ kull sena lill-Uffiċċju tagħna u jinkludu l-lista tal-amministraturi/membri tal-kumitat, ir-rapport annwali, kif ukoll il-kontijiet u r-rendikont ta’ kif intefqu l-flus li l-maġġor parti tad-drabi dawn ikunu oriġinaw minn fund raising li l-għaqda tkun organizzat jew minn fondi pubbliċi. 

L-Uffiċċju tagħna għandu l-funzjoni li jirregola s-settur volontarju u jagħmel xogħol importanti li permezz tiegħu l-Kummissarju jissalvagwardja l-kredibbilità tas-settur. Għal dan il-għan huwa fundamentali li l-organizzazzjonijiet jibagħtu l-annual returns tagħhom fil-ħin stipulat mil-liġi. 

Tajjeb li ngħidu li dawk l-organizzazzjonijiet li ma jdaħħlux l-annual returns fil-ħin ikunu qegħdin joperaw kontra l-liġi, u għalhekk ma jkollomx certificate of compliance, u ma jkunux jistgħu jirċievu fondi pubbliċi. 

Lil hinn minn dan kollu, l-organizzazzjonijiet jibqgħu dejjem obbligati li jkunu trasparenti fl-operat tagħhom u fl-użu tal-fondi li jkunu nġabru mill-pubbliku, għalhekk meta l-annual returns jibqgħu ma jidħlux il-Kummissarju jkollu jieħu passi legali, u dan dejjem biex tiġi salvagwardjata l-kredibbilità tas-settur. 

Irregolaritajiet oħra ħafna drabi jitwieldu mill-piki bejn il-membri ġo Organizzazzjonijiet, u jibdew isiru ħafna allegazzjonijiet, li ħafna drabi ma jkunux minnhom, jew inkella jkunu ġew eżaġerati. Meta jiġri dan, il-liġi tagħti l-qawwa lill-Kummissarju li jintervjeni jew b’mod dirett billi jgħid lil memberi tal-għaqda x’għandu jsir biex is-sitwazzjoni titranġa, jew inkella, f’każ ta’ diżgwid intern, il-Kummissarju jista’ wkoll jagħmilha ta’ medjatur biex kemm jista’ jkun jirrikonċilja d-differenzi bejn l-amministraturi jew il-membri tal-għaqda.

L-organizzazzjonijiet volontarji ħassew ukoll l-effetti tal-impatt li ħalliet il-pandemija tal-Covid-19. X’għajnuna sibtu mill-Gvern biex din il-problema tittaffa?

Diversi organizzazzjonijiet volontarji li l-għanijiet tagħhom kienu jkunu avverati permezz ta’ donazzjonijiet u ġbir ta’ fondi, minħabba l-pandemija ma setgħux jagħmlu dan u għalhekk batew u baqgħu ibatu ħafna. Eżempju ċar huwa l-ġbir ta’ fondi għall-Malta Community Chest Fund li naqsulha ħafna l-fondi. 

Iżda l-aktar li batew huma dawk l-organizzazzjonijiet volontarji li jieħdu ħsieb, u jitimgħu l-annimali. Nuqqas radikali ta’ fondi kien ta’ daqqa kbira għalihom. Bħala Regolatur, jien ma nistax nagħti fondi iżda għamilt ħilti biex ċertu organizzazzjonijiet jiġu megħjuna. Dan permezz ta’ emergency fund li l-Gvern qed jagħti. Il-Gvern ġie mitlub, u aċċetta, li kirjiet waqt il-COVID jiġu rilaxxati etċ. 

X’inhuma l-isfidi li qed tara li għandek f’din il-kariga?

L-ikbar sfidi huma dawk amministrattivi. Nuqqas ta’ baġit suffiċjenti, nuqqas ta’ riżorsi umani, u nuqqas ta’ spazju għall-impjegati. L-OCVO għandu bżonn ta’ nies professjonali biex jeżamina bir-reqqa id-dikjarazzjonijiet tal-assi etc. F’każ ta’ anomaliji jkun hemm il-ħtiega li l-annual returns jiġu eżaminati professjonalment.

Share With: